Lokali Saħħa

Il-kliem insensittiv tal-Ministru għas-Saħħa jkompli jikxef il-qerq tal-Gvern fis-saħħa

Il-Partit Nazzjonalista jinsab iddiżgustat bl-istqarrija ta’ Jo Etienne Abela dwar pazjenti f’Monte Karmeli; jekk il-Ministru mhux kapaċi għandu jwarrab.

Fi stqarrija, Adrian Delia u Ian Vassallo għamlu referenza għall-istqarrija li għamel il-Ministru għas-Saħħa ta’ pajjiżna. Stqarrija fejn Abela qal li l-pazjenti f’sala partikolari f’Monte Karmeli jistgħu jitilqu meta jridu fid-dawl tal-kritika li qala’ dwarha mhi xejn għajr oxxenità u dikjarazzjoni li l-Gvern qata’ qalbu u ma jimpurtahx aktar mill-qasam tas-saħħa mentali.

Wara li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali stqarr li din is-sala mhix tajba għall-pazjenti hekk kif iddesrkivieha bħala ‘not fit for purpose’, il-Ministru minflok qalilna li kien se jagħmel dak kollu li hu fil-poter tiegħu biex jara li l-faċilitajiet f’Monte Karmeli jkunu denji taż-żminijiet tal-lum u tal-bżonnijiet tal-pazjenti, qalilna li jekk il-pazjenti ddejqu hemm, jistgħu jitilqu xħin iridu. 

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bl-aktar mod qawwi dan il-kliem li jkompli jikxef kemm pajjiżna llum għandu gvern arroganti li l-flus isibhom biss għall-konvenjenza tiegħu u li s-saħħa mentali tal-Maltin remieha għalkollox.

Il-Gvern ilu s-snin jgħaddi lill-poplu biż-żmien fejn tidħol il-kura tas-saħħa mentali u kiser kull wegħda li għamel dwar sptar ġdid u titjib fl-istituzzjonijiet tal-kura f’dan il-qasam.

Minflok qed jaħdem kontra l-istigma, il-Gvern juża kliem li jkompli jgħakkes lil min hu l-aktar vulnerabbli. Il-Ministru għażel li jitkellem b’mod dispreġġjattiv dwar persuni li jinsabu rikoverati f’sala MW1B, minflok qed jaħdem biex jagħtihom ċans ta’ futur aħjar.

Il-Gvern ma jridx jisma’ u qed jinjora l-appelli kontinwi li qed isirulu minn professjonisti bħall-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u mill-Professur Andrew Azzopardi, li ilhom isemmgħu leħinhom dwar il-kundizzjonijiet ta’ din is-sala f’Monte Karmeli. L-istess Gvern qed jinjora wkoll it-talba urġenti li għamel il-Partit Nazzjonalista lill-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa biex issir laqgħa straordinarja fuq is-sitwazzjoni diżastruża ta’ dan l-isptar.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni l-miżura li kien ħabbar għal dan il-qasam, fosthom li pazjenti li m’għandhomx bżonn kura medika psikjatrika ma jintbagħtux f’Monte Karmeli, imma jingħataw akkomodazzjoni f’ambjent li joffri għożża u rispett, filwqat li dawk li għandhom bżonn kura għandhom jingħataw din il-kura f’post diċenti u modern, mhux f’istituzzjonijiet ikkudannati jew kważi.

Wara aktar minn 12-il sena ta’ paroli u wegħdi fl-arja, dan il-Gvern aktar ħoloq problem fis-settur tas-saħħa mentali milli soluzzjonijiet. Hu ċar mid-deċiżjonijiet li qed jieħu u minn kliemu, li l-Gvern qiegħed dejjem aktar jinqata’ mit-tbatijiet tan-nies.

Il-Partit Nazzjonalista jżomm fil-qalba tal-politika tiegħu d-dinjità tal-persuna u l-kura f’livell li jixraq lil kull bniedem – speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.

Jekk il-Ministru Jo Etienne Abela qata’ qalbu li kapaċi jipprovdi l-kura li jixirqilhom dawk l-aktar vulnerabbli, għandu jwarrab u l-Gvern tas-slogan Is-saħħa lill-Maltin għandu verament jibda jwettaq dak li jwiegħed fuq il-billboards.