Internazzjonali

Il-mexxej Iranjan jgħid li pajjiżu rebaħ fuq Iżrael

Għall-Amerikani, l-attakki kienu suċċess.

Iżda l-Mexxej suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei insista li pajjiżu rebaħ fuq l-Istati Uniti.

Khamenei tkellem għall-ewwel darba minn meta tħabbar il-waqfien mill-ġlied bejn l-Iran u Iżrael.

Fi stqarrija, il-Mexxej Iranjan iddikjara li minkejja l-attakki mill-ajru tal-Istati Uniti – immirati lejn faċilitajiet nukleari Iranjani – l-Iran xorta irnexxielu jassigura “rebħa” kemm fuq Iżrael kif ukoll fuq l-Istati Uniti.

Khamenei faħħar lill-poplu Iranjan għar-reżiljenza tiegħu filwaqt li sostna li l-Iran kien “ta daqqa ta’ ħarta kbira lill-Amerika.”

Huwa akkuża lill-Istati Uniti li daħlu fil-kunflitt biex jipprevjenu t-telfa ta’ Iżrael.

L-Ayatollah Ali Khamenei sostna li “l-Amerika naqset milli tikseb xi ħaġa sinifikanti,” filwaqt li ssuġġerixxa li fi stqarrijiet pubbliċi li għamel, il-President Donald Trump kien “esaġera” l-effett ta’ dawn l-attakki.

Intant, Is-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti Pete Hegseth waqqa’ għal kollox dan id-diskors li għamel il-Mexxej Suprem Iranjan. Dan filwaqt li l-Pentagon preżenta deskrizzjoni dettaljata ta’ kif seħħew l-attakki tal-weekend li għadda – spjegazzjoni li mhux soltu tingħata mill-armata Amerikana, bil-għan li titneħħa kull forma ta’ spekulazzjoni.

Hegseth sostna li dawn kienu attakki storici fuq is-siti nuklejari Iranjani – attakki li kienu suċċess.

Eżatt wara dan id-diskors tas-Segretarju tad-Difiża, l-Iran ħabbar li kien se jissospendi l-koperazzjoni fl-Aġenzija tal-Enerġija Atomika.