Mike Seychell, trejdjunjonista li wera impenn f’kull kariga pubblika li kellu, inkluż bħala kunsillier tal-PN f’Tal-Pietà, ħalla din id-dinja fl-età ta’ 85 sena.
Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Michael Seychell – trejdjunjonista li ddedika l-parti l-kbira ta’ ħajtu jaħdem għall-ħaddiema u għat-titjib tad-drittijiet tagħhom.
Wara karriera twila bħala trejdjunjonista u anke uffiċjal tal-General Workers Union (GWU), Michael – jew Mike, kif kien magħruf – serva wkoll bħala kunsillier lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà.
Mike Seychell, li kien minn Bormla, jibqa’ mfakkar għall-ħidma ferventi tiegħu favur il-ħaddiema bħala Segretarju tat-Taqsima Metall tal-GWU fiż-żmien meta kien ukoll Personnel and Administration Manager fil-Malta Drydocks. Hu serva f’diversi karigi fi ħdan il-GWU mill-1967 ’il quddiem, fejn dejjem poġġa lill-ħaddiem l-ewwel u kien fuq quddiem nett biex jaqbeż għall-ħaddiema fis-sebgħinijiet fi żmien l-iffriżar tal-pagi.
Dan għamlu b’sagrifiċċju personali u bata l-konsegwenzi għax baqa’ jkun ta’ tarka għall-ħaddiem Malti. Fl-1977 irriżenja mill-karigi li kellu wara li l-GWU ngħaqdet mal-Partit Laburista.
Filwaqt li fi żmien is-sħubija ta’ Malta fl-UE kien fuq quddiem fost dawk li ħadu pożizzjoni favur u anke pparteċipa f’diversi attivitajiet marbutin mal-kampanja għas-sħubija, inkuż fuq NET TV, Mike serva wkoll b’lealtà u impenn kbir bħala kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà mill-2009 sal-2013.
Fost karigi oħra li okkupa kien hemm dawk ta’ membru tal-bordijiet tal-Malta Drydocks, il-Union Press, il-Metalfond u l-PBS. Serva wkoll bħala Chairman tal-Awtorità dwar it-Trasport Pubbliku bejn l-1992 u l-1995.
Mike Seychell kien raġel li ħa b’serjetà kbira kull kariga li kellu u kien ta’ eżempju fl-impenn li bih kien jidħol għal kull kariga.
Il-Partit Nazzjonalista jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lil martu u t-tlett itfal tagħhom.
//= $special ?>