Lokali Saħħa

Irridu nsaħħu l-kura paljattiva qabel nibdew niddiskutu l-Ewtanasja – MAPHM

“Dak li qed jiġi propost imur kontra l-istandards etiċi fil-qasam mediku”

L-unika għan u punt kardinali għandu jkun li nsaħħu l-kura paljattiva – ejja nsaħħu l-għarfien fis-soċjetà tagħna, ninkoraġġixxu d-djalogu dwar it-tema tal-mewt tista’ tnaqqas il-biża’ u żżid is-sostenn u l-kompassjoni. Irridu nieħdu deċiżjoni b’mod informattiv speċjalment fis-suġġett etiku u kumpless daqs l-ewtanażja.

Dan intqal fi stqarrija mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika fejn qabel xejn insistiet li taqbel mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija li l-aktar ħaġa importanti hi li l-ewwel jiġi assigurat li ħadd ma jagħżel li jtemm ħajtu kawża tal-fatt li bħala pajjiż nkunu fallejna li ngħatuhom l-għajnuna kollha biex jgħixu b’mod dinjituż.

L-MAPHM spjegat li wara li rat id-dokument li jinsab għal konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja assistita innotat li t-terminoloġija wżata hija waħda ħażina – hekk kif dak li qiegħed jiġi propost huwa Suwiċidju Assistit minn Mediku.

Dan filwaqt li insistiet li huwa ferm inkwetanti kif dak li qed jiġi propost imur għal kollox kontra l-prinċipji msemmija fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju 2025-2030, liema konsultazzjoni pubblika kienet imnedija 3 xhur ilu biss.

L-Assoċjazzjoni saħqet li hemm nuqqas totali ta’ informazzjoni f’termini ta’ riċerka li din il-proposta hija bbażata, u wisq inqas liem huma dawk l-għaqdiet, esperti u akkademiċi li kienu konsultati qabel ma’ ġie miktub dan id-dokument. Ġie spjegat li tali proposta teħtieġ konsultazzjoni qawwija minn dawk l-aktar ta’ esperjenza; professjonisti mediċi, legali, fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, etiċi u saħansitra mexxejja f’istituzzjonijiet reliġjużi – kif ukoll rappreżentanti ta’ pazjenti u NGOs.

Dan filwaqt li bi kliem iebes l-Assoċjazzjoni saħqet li tali proposti qed imorru għal kollox kontra l-prinċipji bażiċi tal-etika fil-mediċina, bl-MAPHM tisħaq li hija kontra l-Ewtanasja Assistita – fejn issoktat tgħid li r-riskji li jnaqqru l-fidi li għandhom l-familji Malti u Għawdxin fil-professjonisti mediċi huma kbar.

Għaldaqstant intqal dwar il-bżonn li tissaħħaħ il-kura paljattiva b’tali mod li l-Gvern jintroduċi proviżjonijiet legali f’dan il-qasam sabiex ikollhom is-sostenn leġiżlattiv u ġudizzjarju – direttivi legali li verament isaħħu d-dinjità tal-bniedem fl-aħħar jiem tiegħu. Hawnhekk l-MAPHM ħeġġet lill-Gvern sabiex verament jieħu din it-tema b’serjetà li tixraq.

Intant, ġie spjegat li tali proposta tal-Ewtanasja, minkejja s-salvagwardji eventwali kollha, xorta waħda jkun hemm l-element ta’ vulnerabbiltà tal-perċezzjoni tal-pazjent – b’impatt emozzjonali u psikoloġiku enormi li jkun għaddej minnu f’dak il-mument tant sensittiv meta jkun qiegħed jaffaċċja marda terminali.

Finalment l-MAPHM spjegat li kwalunkwe mediku għandu jkollu dritt ċar u tond li jista jirrifjuta li jkollu x’jaqsam ma’ tali proċess la darba moralment ma jaqblux magħha – u insistiet li l-poplu għandu jkollu għarfien totali bid-differenza ta’ bejn Ewtanażja Volontarja Assistita u kura Paljattiva.

Dan filwaqt li temmet tgħid li dan id-dibattitu għadu fi stadju prematur ħafna u filwaqt li hija favur li tiżdied il-kura paljattiva f’Malta, b’investiment u prijorità assoluta, kwalunkwe proposta oħra għandha ssegwi l-istandards etiċi mitluba fil-qasam mediku fuq livell internazzjonali. Aktar minn hekk appellat għal dibattitu trasparenti b’evidenza riċerkata u mirquma mill-aqwa professjonisti fil-qasam.