Lokali

Is-Super One jibqa’ jħawwad bejn trakka u kwart ta’ mil

Jekk hawn wegħda li issa l-Partit Laburista ilu jwiegħed 12-il sena, hija t-trakka tal-karozzi. U f’xi waqtiet il-midja Laburista terġa’ taqla’ l-istorja u tixħet il-bżar fil-għajn – fejn din id-darba ddeskriviet il-ħidma fuq il-kwart ta’ mil… bħala trakka.

Bosta kienu dawk li fuq il-midja soċjali li staqsew fejn hi t-trakka mwiegħda, u għalfejn qed ikomplu jiżuffjettaw bin-nies biex idendlu l-karrotta u jimmanipulaw lin-nies.

Aktar kmieni din is-sena d-dilettanti tal-karozzi staqsew għalfejn ix-xogħol kien totalment wieqaf biex issa il-midja laburista qed tiftaħar li beda x-xogħol fuq il-kwart ta’ mil… li diġà kellhom id-dilettanti. Iżda fuq it-trakka silenzju assolut.

It-trakka ilha tiġi mwegħda mill-Gvern Laburista għal numru ta’ snin, sa mill-elezzjonijiet tal-2013, u l-2017 taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.  

Fl-2021, kien żvelat li sa Mejju tal-2022, kellha titlesta l-ewwel fażi pjanata fuq dan il-proġett. Dan filwaqt li wara Mejju tal-istess sena kien pjanat li jibda x-xogħol fuq is-circuit track.

Madanakollu, f’Ġunju tal-2025, aktar minn 3 snin wara għad m’hemm xejn miftuħ.

Tliet snin ilu kellhom ilestu l-ewwel fażi, l-istrippa tan-nofs mil li kellha titlesta sal-2023, sentejn ilu… bit-trakka tal-motorsport tkun kompluta fix-xhur bikrin tas-sena tal-2024… imwiegħda li kellha titlesta sena ilu. Din it-trakka li kellu jkollha tnax-il dawra… b’sitta lejn ix-xellug u sitta lejn il-lemin, 472 metru ta’ start finish straight u 4.800 mili kwadri ta’ paddock, tribunijiet u toroq ta’ aċċess.

Minkejja dawn il-wegħdiet kollha, ONE News fl-aħħar jiem iddeskriva x-xogħol fuq il-kwart ta’ mil… bħala t-trakka.

Fid-dawl ta’ dan il-qerq mill-midja Laburista, bosta persuni esprimew id-diżappunt u r-rabja tagħhom lejn Gvern li qed “jidħaq bihom”, għaliex din mhux it-trakka li ġiet imwegħda lid-delettanti tal-motorsport.