Lokali

“L-argument ta’ min ma jogħġbux jitlaq huwa inaċċettabbli – il-politika ma ssirx hekk” – Andrew Azzopardi

“L-argument min ma jogħġbux jitlaq huwa inaċċettabbli, il-politika soċjali ma ssirx hekk, issir bi pjan li tassigura li ħadd ma jgħaddi mix-xibka.”

Sostna dan il-Professur Andrew Azzopardi b’reazzjoni għal kummenti li ta l-Ministru responsabbli mis-Saħħa Jo Etienne Abela ma’ ġurnalist tat-Times of Malta fejn meta mistoqsi dwar dak li rrapporta l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fuq sala li qed tospita 7 irġiel fi ħdan l-Isptar Monte Karmeli, Abela saħaq li x’ħin iridu jistgħu jitilqu.

Azzopardi qabel xejn innota li l-Ministru ma ċaħadx li s-sala MW1B mhux qed tilħaq l-istandards meħtieġa, filwaqt li spjega li jista’ jsemmilu lista itwal ta’ swali li qiegħdin f’din il-qagħda.

Dan filwaqt li minkejja li l-Ministru Abela saħaq li dawn l-irġiel qed imorru f’din is-sala volontarjament, ma jfissirx li qed tilħaq l-istandards meħtieġa filwaqt li nnota li hemm min imur għal trattament f’diversi swali oħrajn fi ħdan l-Isptar Monte Karmeli u wkoll m’humiex f’qagħda li jilqgħu l-pazjenti fi ħdanhom.

Andrew Azzopardi insista li s-saħħa mentali mhux biss l-iskizofrenija u l-bi-polar disorder, imma jfisser ukoll li jkollok problema ta’ vizzju, problemi ta’ solitudni, nuqqas ta’ konnessjoni u ħbiberiji fi ħdan il-komunità…dawn ukoll problemi li jaffettwaw il-moħħ – speċifika jgħid Andrew Azzopardi.

Intant huwa giddeb lill-Ministru u saħaq li ma huwa veru xejn li jistgħu jitilqu meta jridu hekk kif lanqas joħorġu jpejpu sigarett fil-ġnien ma jistgħu u kkundanna dak li qal Jo Etienne Abela. Dan għaliex fi kliem il-Ministru, jfisser li jekk ma jogħġobhomx jitilqu ‘l barra jfisser li jispiċċaw fit-triq u jiġu arrestati għax bla saqaf fuq rashom.

Imbagħad, innota wkoll il-fatt li l-Ministru Abela ammetta li dawn għandhom ‘dual diagnosis’ li tfisser li s-saħħa mentali hija raġuni għalfejn dawn l-irġiel jinsabu rikoverati f’din is-sala, għaldaqstant il-Gvern huwa obbligat li jagħti s-servizz…u mhux xi ħaġa li qed jagħmilha f’forma ta’ karità jew volontarjat.