Lokali

Metsola tappella lill-mexxejja tal-UE għal front magħqud biex jinkiseb il-paċi fil-Lvant Nofsani

Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola appellat lill-mexxejja tal-UE biex ikollhom front wieħed u magħqud fil-mod kif jaħdmu biex jiksbu l-paċi fil-Lvant Nofsani.

“Il-paċi jista’ jkun diffiċli biex jinkiseb iżda mhux impossibbli,” qalet il-President Metsola, filwaqt li sejħet lill-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw li l-ftehim fraġli ta’ waqfien mill-ġlied jibqa’ fis-seħħ.

Waqt li kienet qed tagħti aġġornament lill-mexxejja dwar iż-żjara li għadha kif għamlet fil-Lvant Nofsani, il-President Metsola qalet, “dak li rajna bejn Iżrael u l-Iran, u l-effetti potenzjali tiegħu, huwa test għalina lkoll. Il-ftehim riċenti ta’ waqfien mill-ġlied jimmarka pass ‘il quddiem mimli tama. Iżda l-abbozz ta’ liġi tal-Parlament Iranjan biex jissospendi l-koperazzjoni mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika jenfasizza kemm għadha fraġli t-triq lejn l-istabbiltà.”

Il-President Metsola qalet li l-impenn kontinwu tal-Ewropa huwa essenzjali, filwaqt li ħeġġet lill-mexxejja biex ikomplu jużaw il-mezzi kollha biex jimbuttaw għal tnaqqis fit-tensjoni, biex jiżguraw li l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Iran jibqa’ fis-seħħ.

“Irridu nkomplu naħdmu għal waqfien mill-ġlied f’Gaża, għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha u tmiem tat-terrur, u biex l-għajnuna umanitarja tilħaq lil dawk li tant għandhom bżonnha. U rridu nkomplu nagħmlu dan kollu filwaqt li nappoġġjaw soluzzjoni ta’ żewġ stati – b’sigurtà għal Iżrael u perspettiva kredibbli għal tmexxija Palestinjana leġittima u paċifika – bħala l-unika triq lejn paċi sostenibbli u dejjiema,” saħqet il-President tal-Parlament Ewropew.

Dwar l-Ukrajna, Metsola rreferiet għad-dibattitu mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky fil-Kunsill Ewropew tal-lum. Hija qalet li huwa tajjeb għall-UE li żżomm il-momentum u l-impenn tagħha.

Dwar is-simplifikazzjoni, il-President Metsola enfasizzat il-pass mgħaġġel li qed jaħdem bih il-Parlament Ewropew, fejn spjegat li proċessi li kienu jieħdu 9 xhur, issa jistgħu jieħdu biss ftit sigħat. “Jekk l-Ewropa trid tkun aktar effiċjenti, aktar intelliġenti, u aktar favur l-SMEs, irridu mmorru lil hinn minn bidliet kożmetiċi, u dan se jaħdem biss jekk nagħtu prevedibbiltà lin-negozji, u jekk ninvolvu lin-nies tagħna. Iżda dan ma jfissirx li m’aħniex impenjati bis-sħiħ li nwasslu b’ħeffa. Għall-kuntrarju, urejna li nistgħu nagħmlu t-tnejn. Nassigurakom li fil-Parlament Ewropew, l-miri biex nilħqu l-għanijiet tagħna għadhom validi – u l-istess ir-rieda tagħna.”

Il-President semmiet ukoll d-deċiżjoni favur il-mekkaniżmu ‘Stop-the-clock’ u s-sospensjoni tal-penali fuq is-settur tal-karozzi. Hija qalet li ntlaħaq ftehim proviżorju dwar il-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju (CBAM).