minn Mark A. Sammut
Dal-aħħar kelli bżonn nagħmel riċerka fil-Bibljoteka Nazzjonali, il-Belt. Il-Bibljoteka għandha sistema ta’ booking maħsuba biex ma jinġabrux ħafna nies f’salt jirriċerkaw.
Dakinhar li mort, qabadni l-bżonn immur sat-toilet. Qaluli li t-toilet għall-pubbliku kien magħluq għax qed jgħaddu lift. Staqsejt kienx hemm toilet ieħor – qaluli li le. Però toilet għall-membri tal-istaff ovvjament hemm… imma mhux aċċessibbli għall-erbgħa min-nies li jkun hemm jirriċerkaw! Jiġifieri, jekk tmur tirriċerka u jaqbdek bżonn pipì, trid tmur tieħu kafè x’imkien barra biex imbagħad tidħol fit-toilet tal-ħanut…
U dal-pajjiż suppost hu l-Aqwa fl-Ewropa b’ħajja ta’ Kwalità!
Ħalluna! Il-verità hi li hawn mismanagement tal-biża’!
Jidhirli li llum il-Bibljoteka Nazzjonali taqa’ taħt Owen Bonnici… li f’fehmti hu l-aktar ministru inkompetenti ta’ dal-Gvern amatorjali. Il-Ministru li tant għandu livell għoli li fil-websajt tal-ministeru tiegħu (https://localgovernment.gov.mt/minister/) avolja hu u ħuh huma biss tnejn, il-Ministru hu “the youngest of two brothers”. Youngest meta huma tnejn! Lanqas jaf li la tnejn trid tkun “younger”.
U mbagħad isem bintu, magħmul minn tliet ittri, kitbuh bil-majjuskoli, qisu l-akronimu ta’ xi aġenzija.
Tant hu inkompetenti dal-Ministru, li lanqas il-websajt tiegħu stess ma jaf iżomm suret in-nies. Tgħiduli, għax bl-Ingliż miskin. Bil-Malti agħar! “Owen Bonnici qara l-liġi fl-Università ta’ Malta” hemm miktub! Qara l-liġi?! X’liġi qara?! Studja l-liġi semmaj! U, għal ġieħna, “jagħti lekċers mal-Fakultà tal-Liġi”! Imbagħad qalilna li “jħobb il-qari, il-mużika, l-arti u l-kultura”. Ah, għalhekk qraha l-liġi, għax iħobb il-qari…
U ħallina, Onorevoli Bonnici, trid? Ħallina! L-aktar ministru inkompetenti li qatt ra dal-pajjiż!
F’waħda għandu raġun. Fil-verżjoni bl-Ingliż, kunjomu kitbu “Bonniċi” – biċ-ċ bit-tikka. Toqgħodlu preċiż.
Google Maps
Aħjar flok “qara l-liġi fl-Università”, bħala Ministru tal-Gvern lokali jara x’se jagħmel bil-Google Maps. Kemm-il triq hawn f’Malta li jkunu bidlulha isimha u ħadd – imma ħadd! – fl-awtorità ma jgħaddilu mit-trafanal ta’ moħħu li jgħarraf lill-Google Maps ħalli jaġġornawha? Kemm-il triq hawn f’dal-pajjiż tal-mismanagement li għadha tidher fil-Google Maps bl-isem l-antik?
U mbagħad meta jiġi xi ħadd biex jikkonsenjalek xi ħaġa ma jkunx jista’ jsibek?
Dan hu l-pajjiż li suppost hu l-Aqwa fl-Ewropa u ta’ Kwalità?
Jeħtieġ ħafna sforz dan il-“youngest of two brothers” li “qara l-liġi fl-Università ta’ Malta” biex joħroġ ordni li meta triq tingħata isem ġdid isir kuntatt ma’ Google Maps – u anki oħrajn li jagħtu l-istess servizz ta’ pożizzjonament satellitari – ħalli jaġġornaw is-sistemi tagħhom?
Il-Posta
Ma naħsibx li Owen BonniĊi jaħti wkoll tar-regolatur tal-Posta. Ma rridx nagħtih dak li mhux tiegħu. Avolja jien konvint li Owen BonniĊi hu influwenza ħażina fuq sħabu. Għax sħabu żgur intebħu b’kemm hu inkompetenti. U żgur jgħidu, jekk dak ma jagħmilx sforz u allajbierku “ġie rritornat minn żewġ distretti” għaliex għandi nagħmlu jien l-isforz? Mela jien xi ħaġa anqas minn Owen BonniĊi?
Irritornat! Trid tarahom dal-affarijiet biex temminhom! X’irritornat hu? Ta’ “papas zitu”? (Biex nikkwota lill-mibki Lino Cassar, li Owen BonniĊi żgur kien jaqrah meta ma jkunx qed jaqra l-liġi fl-Università.)
Il-Posta kont qed ngħid. Kollox brodu f’dal-Pajjiż ta’ Kwalità.
Fl-1981 kien ħareġ film b’Jack Nicholson jismu The Postman Always Rings Twice. F’Malta mhux talli ma jċempilx darbtejn, talli lanqas biss iċempel! Jien personalment għaddejt minnha din, u wkoll xi nies li nafhom. Flok ma jċempel il-qanpiena meta jkollu ittra reġistrata jew pakk(ett), il-pustier iħalli avviż aħdar jew isfar fil-kaxxa tal-ittri. U mbagħad trid tmur tiġbru int mill-posta. Jekk tkun imsiefer, jgħaddi ż-żmien tal-ġbir, u addiju l-ittra/pakk(ett).
Fejn hu r-regolatur? X’tip ta’ superviżjoni qed issir fuq il-kumpanija li qed tforni s-servizzi postali f’dal-pajjiż?
Jew kollox alaxanxè?
Basta qabda propaganda u billboards ma’ kullimkien u mbagħad la tista’ tagħmel pipì, la tista’ ssib l-imkejjen bis-sistema satellitari, u lanqas ma tista’ tirċievi l-posta d-dar bħan-nies!
Kap ġdid tal-PN
Il-pajjiż jeħtieġ Oppożizzjoni f’saħħitha li tkun alternattiva kredibbli għal dal-Gvern amatorjali. Dan se jkun il-kompitu numru wieħed tal-Kap il-ġdid tal-PN.
Awguri mill-qalb lil min se jkun.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 25 ta’ Ġunju, 2025.