minn Angrelo Micallef
Id-dinja bħalissa m’għandha l-ebda nuqqas ta’ xenarji li b’xi mod jew ieħor huma ta’ sfida. Sfidi ta’ natura politika, sfida ta’ natura diplomatika u sfidi ta’ natura amministrattiva.
L-isfida tal-Lvant Nofsani
Huwa ċar kristall minn dak li ġara nhar it-Tlieta filgħodu li l-President Amerikan Donald Trump qiegħed iduq ftit mill-isfida li jaf joffri l-Lvant Nofsani f’termini politiċi.
F’tebqa t’għajn morna minn sitwazzjoni fejn missili Amerikani niżlu fuq l-Iran, għal sitwazzjoni fejn missili Iranjani niżlu fuq bażi militari Amerikana fil-Qatar, għal sitwazzjoni fejn Iżrael u l-Iran laħqu ftehim għall-waqfien mill-ġlied, għal sitwazzjoni fejn l-Iran u Iżrael reġgħu bdew mill-ġdid il-ġlied.
Forsi sa fl-aħħar Trump jibda jinduna li hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq xi logħba bħalma jitkellem dwarhom fil-ktieb tiegħu Trump: The Art of the Deal. Forsi sa fl-aħħar jinduna li qed nitkellmu fuq affarijiet b’konsegwenzi serjissimi fuq miljuni kbar ta’ nies. Forsi sa fl-aħħar isir sforz biex is-sitwazzjoni tiġi riżolta mill-għeruq u mhux superfiċjalment b’tali mod li minn hawn u ftit tas-snin oħra nerġgħu nibdew minn fejn ħallejna.
Huwa ċar li Trump qiegħed jippopa sidru biss biex jieħu l-Premju Nobel tal-paċi u ‘he evens the score’ma’ Barack Obama. Jeħtieġ iżda li Trump minflok jippopa għal midalja jibda tassew ifittex li juża l-ħiliet tiegħu fl-arti tal-ftehim biex is-sitwazzjoni tiġi riżolta tassew.
L-isfida ta’ Starmer
Is-sitwazzjoni politika ta’ Sir Keir Starmer qed tkompli ssir waħda aktar prekarja. Fl-aħħar sigħat ħareġ ċar kif minkejja maġġoranza kbira fil-House of Commons, il-Gvern Laburista Ingliż għandu theddida reali li jitlef vot kruċjali dwar ir-riforma fil-benefiċċji li jrid iwettaq il-Gvern ta’ Starmer bil-għan li jibbilanċja l-kotba tal-Gvern Ingliż.
Disfatta bħal din tkun ta’ dannu kbir f’termini politiċi għal Starmer u żgur isservi biex tkompli ssaħħaħ l-attentati ta’ Nigel Farage li jkompli jiekol mill-vot Laburista. Filwaqt li huwa minnu li Gvern għandu obbligu li jagħmel dak li huwa meħtieġ fl-aħjar interess nazzjonali, ikun għaqli Starmer jekk jara li ma jinqatax mill-elettorat li silfu l-mandat.
L-aħħar numru ma’ jawguraw xejn tajjeb f’dan is-sens.
L-isfida tal-PN
Il-Partit Nazzjonalista bħalissa għandu quddiemu għażla għal Kap ġdid u bla dubju ta’ xejn ma’ dik l-għażla għandu numru ta’ għażliet oħra li jrid jagħmel. Għażliet f’termini politiċi bħal pereżempju jifhem xi jrid l-elettorat Malti minn gvern alternattiv u jifhem kif jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu b’mod effettiv.
Għażliet f’termini li jifhem ir-rwol tal-identità demokristjana u ċentru-leminija tiegħu u kif jista’ jibqa’ leali lejn il-valuri fundamentali demokristjani u ċentru-leminija filwaqt li jaġġorna b’mod li jkun rilevanti għaċ-ċirkostanzi moderni u għal dinja li tibqa’ dejjem tevolvi u tinbidel. Għażliet f’termini amministrattivi biex jissaħħaħ l-operat tal-Partit Nazzjonalista u jiġi assigurat li dan il-partit li lkoll inħobbu, għandu futur u futur sod.
Naturalment huwa normali u anzi sabiħ li jkollna dibattitu vivaċi dwar dawn it-tip ta’ punti. L-importanti li tali dibattitu jkun gwidat unikament mill-imħabba tagħna lejn pajjiżna u t-twemmin tagħna fil-valuri tal-Partit Nazzjonalista. L-importanti li fejn ma naqblux nitkellmu u nsibu triq komuni biex naħdmu id f’id. Dan il-partit dejjem stagħna meta ħdimna bħala możajk ta’ ideat politiċi.
M’għandi l-ebda dubju li l-partit fadallu ħafna x’joffri u għad fadallu storja twila quddiemu. M’għandi ebda dubju li jekk naħdmu flimkien u b’mod għaqli ‘we can rise to the challenge’u nerġgħu nagħmlu lill-Partit Nazzjonalista forza politika b’saħħitha li toffri sfida denja lill-Partit Laburista.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 26 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>