Lokali

Roberta Metsola tappella biex l-Ewropa tkompli ssalva l-ħajjiet u tmexxi l-innovazzjoni waqt il-GAVI Summit

Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li l-Ewropa trid tibqa’ tkun fuq ta’ quddiem fis-saħħa globali, hekk kif l-UE wiegħdet €360 miljun għall-prevenzjoni tal-mard. “Is-saħħa hija l-pedament li fuqu jinbena kollox: il-paċi, il-prosperità u l-istabbiltà. Ejjew nibqgħu mmexxu flimkien, insalvaw il-ħajjiet u ninċentivaw l-innovazzjoni,” qalet il-President Metsola.

Meta indirizzat mexxejja minn gvernijiet, is-settur privat, fondazzjonijiet, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-GAVI, is-Summit Globali tal-Alleanza tat-tilqim fi Brussell, il-President Metsola qalet li l-mard ma jiqafx mal-fruntieri, u lanqas ir-rispons tal-Ewropa ma jista’ jagħmel hekk. GAVI hija alleanza li taħdem biex jiġi żviluppat tilqim li jsalva l-ħajjiet, partikolarment għat-tfal u persuni vulnerabbli.

Il-President Metsola rrakkuntat diskussjoni li kellha ma’ entomologa mill-Uganda, Krystal Birungi, li qalet li l-GAVI laqmet aktar minn biljun tifel u tifla u l-Fond Globali salva aktar minn 65 miljun ħajja, billi naqqas ir-rata tal-mewt minħabba l-AIDS, it-TB u l-malarja b’63%. “Dawn l-investimenti għandhom effett li jmur lil hinn mis-saħħa: jibnu ekonomiji, ibiddlu l-ħajjiet, joħolqu swieq u impiegi globali għall-futur. Hija s-saħħa u l-prosperità bħala żewġ naħat tal-istess munita”.

Roberta Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea ilha żmien twil minn ta’ quddiem madwar id-dinja fejn tidħol is-saħħa, u ħadmet biex ikun hemm aktar aċċess għat-tilqim. Hija żiedet li l-Ewropa trid tilqa’ l-opportunitajiet offruti mill-intelliġenza artifiċjali. “L-AI diġà qed tbiddel il-mod kif it-tilqim jiġu żviluppati u mogħtija. U għadna biss fil-bidu. L-Ewropa tagħraf dak il-potenzjal. Qed nappoġġjaw l-AI permezz ta’ finanzjament għar-riċerka, u qed noħolqu l-kundizzjonijiet biex tintuża b’mod sikur, effettiv u b’modi li n-nies jistgħu jafdaw.”

Is-summit ġie organizzat b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Gates, wieħed mill-partitarji ewlenin tal-alleanza GAVI. Nhar it-Tlieta, il-President tal-Parlament Ewropew laqgħet lic-Chairman tal-Fondazzjoni Gates u fundatur tal-kumpanija Microsoft, Bill Gates, fl-uffiċċju tagħha. Huma ddiskutew kif il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni Gates jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib biex isalvaw il-ħajjiet, jiġġieldu l-inugwaljanzi u jindirizzaw l-isfidi interġenerazzjonali.