Internazzjonali

Araghchi v Khamenei: Jikkontradixxu lil xulxin dwar l-impatt tal-attakki fuq il-faċilitajiet nukleari tal-Iran

Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin ikkontradixxa lill-Mexxej Suprem tal-Iran bl-ammissjoni li s-siti nukleari ta’ pajjiżu ġarrbu tassew il-ħsarat ‘eċċessivi u serji’ wara l-attakki fuq dawn is-siti mill-qawwiet ta’ Iżrael u l-Istati Uniti.

Il-Ministru Abbas Araghchi żvela dan lill-media u fejn qal li l-Organizzazzjoni Iranjana għall-Enerġija Atomika kienet qed tevalwa l-iskala tal-qerda fis-siti inkwistjoni.

Jidher ukoll li l-kummenti ta’Araghchi qajjmu t-tensjoni qalb is-sede tal-poter f’Tehran u meta sa sigħat biss qabel, l-Ayatollah  Ali Khamenei, bħala l-Ogħla Mexxej Iranjan, kien tenna li l-attakki (ta’ Iżrael u l-Istati Uniti) ma ostakolawx il-programm nukleari tal-Iran.

Khamenei, fil-fatt, sostna li l-attakki ta’ jiem ilu mill-Amerikani ‘ma ħallew l-ebda riżultati sinifikanti’ …Hu qal dan bħala tweġiba għad-diskors tal-President Amerikan Donald Trump fejn kien ftaħar li ‘il-bombi (tal-Amerikani) kienu qerdu għal kollox lis-siti inwistjoni fl-Iran.’

L-Istati Uniti, fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, daħlet direttament fil-konflitt fuq in-naħa ta’ Iżrael – bl-ajruplani B2 tal-qawwiet Amerikani jolqtu l-faċilitajiet nukleari ta’ Fordo, Natanz u Isfahan…Dan ukoll qabel Donald Trump intervjena bħala medjatur għal waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Iran.

Min-naħa tiegħu, l-Ayatollah Khamenei kien ilu jistaħba f’bunker sigriet mindu l-qawwiet ta’ Iżrael wettqu l-mewġa ta’ attakki devastanti fuq l-Iran, fit-13 ta’ Ġunju.

Fil-fatt hu biss issa li l-Ayatollah qed joħroġ id-dikjarazzjonijiet ‘personali’ u fejn anki  tkellem dwar ‘rebħa fuq l-Istati Uniti u Iżrael.’

Madankollu, l-indikazzjonijiet mill-Iran qed juru mod ieħor u meta hemm arja ta’ biża’ kbira fost ir-residenti ta’ Tehran…Biża’ li qed tinħass minn siegħa għall-oħra u meta hu probabbli li l-kapitali Iranjana, ‘il quddiem, tkun suġġetta mill-ġdid għal aktar attakki bil-missili u d-drones tal-Iżraeljani.

U waqt li huma ftit l-Iranjani li jemmnu li ‘il-gwerra intemmet tassew’, ir-rimarki tal-Ministru Araghchi qed jagħtu impressjoni ferm differenti mill-messaġġ li prova jwassal Khamenei.

Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, fl-istess ħin, għamilha ċara li l-Iran ma għandu l-ebda pjani biex ikompli bit-taħditiet mal-Istati Uniti rigward l-aspett nukleari.

Hu spjega li l-Gvern Iranjan, bħalissa, qed jevalwa ‘dak li jinteressa lill-poplu tiegħu’ u li Tehran, minn issa ‘il quddiem, se jaddotta atteġġjament ‘ġdid’ fl-aspetti kollha li jikkonċernaw id-diplomazija.

Filwaqt li l-Istati Uniti qed tistinka biex l-Iranjani jirritornaw mal-mejda tan-negozjati, is-sinjali huma li Khamenei u r-rappreżentanti tiegħu ma għandhom l-ebda intenzjoni biex ‘jissieħbu f’taħditiet ġodda mal-għedewwa’.

Dan ukoll meta l-Parlament Iranjan, issa, approva abbozz ta’ liġi biex iwaqqaf il-kooperazzjoni mal-International Atomic Energy Agency, li sservi bħala osservatur tal-attività nukleari fuq livell globali….Il-miżura turi l-intenzjonijiet tal-Iran li, fil-futur, ma jippermettix aktar il-preżenza tal-ispetturi barranin fis-siti nukeari tiegħu.