Futbol Sport

ESKLUSSIVA | Paul Mbong jitlef l-appell quddiem l-MFA kontra Birkirkara

L-internazzjonali Malti, Paul Mbong tilef il-każ li ressaq hu stess kontra l-klabb tiegħu ta’ Birkirkara, quddiem id-Dispute Resolution Body tal-MFA. Il-plejer ta’ 23 sena għamel dan wara li ħass li kellu jappella minn deċiżjoni meħuda mill-board tad-dixxiplina ta’ Birkirkara fil-konfront tiegħu, wara li l-klabb kellu informazzjoni li bl0-għemil tiegħu, l-attakkant kien kiser waħda mill-klawsoli tal-Koditi ta’ Etika tal-istatut tal-klabb.

Dak li wassal lil Birkirkara sabiex jieħu azzjoni u passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ Mbong kienu motivati minn dak li l-istess klabb ħass li kienet imġieba ħażina mill-plejer lejlet l-aktar logħba importanti tal-istaġun, ċioé dik ta’ nhar is-Sibt, 10 ta’ Mejju li għadda, meta Birkirkar lagħbu l-finali tal-Final Four tal-Malta Premier kontra Ħamrun Spartans; liema logħba kienet se twassal għall-verdertt deċiżiv fuq partita waħda għal min minn bejn dawn it-tnejn kien se jkun qed jirbaħ it-titlu ta’ champion tal-futbol Malti.

Skont ir-rapport maħruġ illum, mid-Dispute Resolution Body tal-MFA, fil-lejl ta’ bejn nhar il-Hamis, 8 ta’ Mejju u l-Ġimgha, 9 ta’ Mejju 2025, għall-ħabta tat-3 ta’ filgħodu, Mbong intlemah fi stabiliment ta’ divertiment f’San Giljan.

Dan ġara meta l-għada, is-Sibt 10 ta’ Mejju 2025, Birkirkara kienu se jilgħabu kontra Ħamrun Spartans, il-konfront deċiżiv għar-rebħ tal-Malta Premier.

Il-klabb sar jaf b’dak li ġara wara l-partita, u meta sar jaf, board intern tal-klabb, ħa d-deċiżjoni li jieħu passi dixxiplinari kontra Mbong, billi jimponi multa ta’ €600 u sospensjoni ta’ 27 ġurnata, li allura tfisser multa oħra ta’ xahar paga.

Fil-qasir, il-plejer ammetta li fil-lejl ta’ bejn nhar il-Hamis, 8 ta’ Mejju u l-Ġimgha, 9 ta’ Mejju 2025, u kien f’stabbiliment tad-divertiment f’San Ġiljan, u fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, madankollu permezz tal-assistenza legali tal-avukat tiegħu, Dr Luigi Fenech, Mbong fost l-oħrajn appella quddiem l-MFA, fuq il-fatt li s-sospenssjoni ta’ €600 li Birkirkara imponew fuqu kellha tkun il-massimu tal-penalitá u t-tieni parti tal-piena, ċioé dik li jkun sospiż 27 ġurnata, skont hu kienet inġusta. Hu ddefenda dan il-fatt billi kkwota l-Kodiċi tal-Etika tal-klabb.

Quddiem l-MFA, il-każ tressaq quddiem board newtrali, kompost minn sitt persuni u tmexxa miċ-Ċermen Dr Aldo Vella/

Mill-appell li ressaq Mbong quddiem il-bord tal-MFA, wara d-deċiżjoni li ħadu Birkirkara fil-konfront tiegħu, fid-deċiżjoni tiegħu d-Dispute Resolution Body tal-MFA innota numru ta’ nuqqasijiet, li b’kollox kienu jammontaw għal sebgħa.

F’kull wieħed minn dawn is-sebgħa aggravju, id-Dispute Resolution Body tal-MFA ma ta ebda raġun fid-difiża li kien qed jagħmel il-plejer u ta r-raġun kollu għall-mod ta’ kif mexa l-klabb ta’ Birkirkara.

Għaldaqstant, fid-deċiżjoni finali, il-board tal-appel kkonferma d-decizjoni meħuda minn Birkirkara fil-konfront ta’ Mbong.