Kummerċ Lokali

Farsons tikkonferma Spin-Off tan-negozju tal-ikel u tirrapporta riżultati rekord

ll-Laqgħa Ġenerali Annwal ta' Simonds Farsons Cisk

Simonds Farsons Cisk plckellha l-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha, fejn l-azzjonisti ġew infurmati dwar sena importanti mmarkata minn prestazzjoni finanzjarja rekord, it-tħabbir ta’ dividend ta’ €0.20 kull sehem, u l-konferma tad-deċiżjoni strateġika tal-Grupp li jifred in-negozji tal-ikel tiegħu f’kumpanija ġdida elenkata fil-Borża ta Malta, Quinco Holdings plc.

Iċ-Chairman, Louis A. Farrugia, iddeskriva s-sena li għaddiet bħala waħda ta’ “importanza strateġika”, u enfasizza d-deċiżjoni tal-Bord li jipproċedi bl-ispin-off ta’ Quintano Foods Limited u Food Chain Limited. L-azzjonisti se jirċievu ishma f’Quinco Holdings permezz ta’ dividend in natura. “Ninsabu fiduċjużi li din ir-ristrutturazzjoni se tippermetti li kull negozju, dak tax-xorb u tal-ikel rispettivament, jikseb it-tkabbir mirqum taħt tmexxija separata,” qal Farrugia, filwaqt li nnota l-preċedent pożittiv li ġie stabbilit mill-ispin-off ta’ Trident Estates fl-2018.

Is-CEO tal-Grupp, Norman Aquilina, irrapporta profitt rekord għall-Grupp ta’ €18.6 miljun, żieda ta’ 22% fuq is-sena ta’ qabel, u żieda ta’ 5.5% fid-dħul min-negozju tax-xorb. Hu enfasizza wkoll tkabbir sod fil-kategoriji kollha tax-xorb. “Minkejja l-pressjonijiet tas-suq li qegħdin dejjem jintensifikaw, komplejna naħdmu strateġikament, ksibna riżultati sodi u wittejna triq ċara għat-tkabbir fil-futur,” qal Aquilina.

Fis-sena finanzjarja li għaddiet kien hemm tkabbir qawwi fl-esportazzjoni, bid-dħul jiżdied b’aktar minn 22%, xprunat minn prestazzjoni soda fl-Italja u l-Lvant Nofsani, u msaħħaħ minn sħubijiet ġodda ta’ franchise fil-Ghana u l-Awstralja. L-effiċjenza operattiva u l-kwalità tas-servizz tjiebu permezz ta’ investimenti strateġiċi fil-loġistika u l-infrastruttura diġitali.

Fis-settur tal-ikel, l-espansjoni tan-netwerks ta’ Burger King u KFC kompliet, flimkien mar-razzjonalizzazzjoni tal-ħwienet ta’ Pizza Hut u l-progress fir-rigward taċ-ċentru loġistiku ewlieni f’Tal Ħandaq, li mistenni jitlesta fl-2026. Dawn l-iżviluppi huma l-bażi tal-ispin-off fi Quinco Holdings, u jwittu t-triq għat-tkabbir fin-negozju tal-ikel.

Il-Bord iddikjara dividend finali ta’ €0.14 kull sehem, u b’hekk id-dividend għas-sena sħiħa tela’ għal €0.20, li jirrifletti distribuzzjoni ta’ 39% tal-profitti wara t-taxxa.

Hekk kif Farsons qed toqrob lejn iċ-ċentenarju tagħha, il-Grupp jibqa’ ffukat fuq it-tisħiħ tal-operazzjonijiet ewlenin u l-ħolqien tal-valur fit-tul għall-azzjonisti.