Lokali

Fl-aħħar 12-il xahar, pajjiżna għamel €2.4 miljun f’dejn ġdid kuljum – PN

Id-dejn f’Mejju żdied b’€867 miljun fuq sena ilu biex issa jlaħħaq rekord ta’ kważi €11-il biljun

Minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ ma joħroġ bl-ebda soluzzjoni għall-akbar problemi li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin u l-Għawdxin bħalma huma l-għoli tal-ħajja, il-qerda tal-ambjent, il-kriżi fis-saħħa, it-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan, il-konġestjonijiet tat-traffiku, u l-problemi infrastrutturali, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qed ikomplu jiksru rekord wara l-ieħor f’dak li għandu x’jaqasam mal-akbar ammont ta’ dejn li pajjiżna qatt kellu fl-istorja tiegħu.

Dan intqal fi stqarrijja maħruga mil-PN, f’isem ix-Shadow Minister għall-Finanzi, Graham Bencini u ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia.

L-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ippubblikati dalgħodu juru li fl-aħħar ta’ Mejju d-dejn tal-pajjiż kien ilaħħaq kważi l-€11-il biljun.

Malta qatt ma kellha daqsekk dejn. Robert Abela u Clyde Caruana għamlu dejn rekord. U Robert Abela waħdu għamel dejn għal Malta daqs il-Prim Ministri kollha ta’ qablu f’daqqa.

Fil-fatt Robert Abela huwa responsabbli għal nofs dan id-dejn kollu għax pajjiżna kellu dejn ta’ ftit iktar minn €5 biljun meta Abela ħa post Joseph Muscat. Dan ifisser li d-dejn tal-Gvern Malti, taħt Robert Abela aktar milli rdoppja. Robert Abela sar sinonimu mad-dejn. Fl-aħħar sena Robert Abela żied id-dejn b’€867 miljun, jiġifieri kważi €2.4 miljun f’dejn ġdid kuljum.

Dan ir-rekord ta’ dejn qed iwassal għal rekord ieħor – dak fuq l-imgħax li qed ikollu jħallas il-Gvern mit-taxxi tal-poplu. Illum l-imgħax li qed inħallsu fuq id-dejn ilaħħaq il-€118-il miljun u fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena żdied bi kważi €15-il miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.

Iż-żieda allarmanti fid-dejn hija konferma oħra tal-falliment ta’ Robert Abela biex jegħleb l-isfidi li għandhom quddiemhom il-familji Maltin u Għawdxin li ta’ kuljum qed jaraw il-prezzijiet jogħlew u d-dħul tagħhom jinxtorob dejjem aktar malajr.

Waqt li d-dejn ta’ pajjiżna jkompli jiżdied bla kontroll mingħajr ma l-Gvern għandu x’jurih għalih, u l-imgħax fuq dan id-dejn ikompli tiela’, il-Ministri u sħabhom viċin il-Gvern qed ikomplu jitħanżru, kif ammettew esponenti tal-Gvern stess.

Fl-istess waqt issa sirna nafu wkoll li lanqas il-Partit Laburista nnifsu ma jiddejjaq jitħanżer minn fuq il-poplu u għas-serq tiegħu jkollna nħallsu int u jien – bħalma ġara dil-ġimgħa wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabitu ħati li għal 45 sena sħaħ seraq proprjetà privata f’Birżebbuġa biex jużaha bħala każin, u issa l-poplu Malti se jkollu jħallas kumpens ta’ €840,000 għal dan is-serq tal-Labour.