Internazzjonali

Glastonbury: Tmiem il-ġimgħa mżewwaq bit-talenti minn kull ġeneru ta’ mużika

Dan hu ‘Jum Numru 3’ tal-Festival ta’Glastonbury 2025 ….L-akbar estravaganza mużikali għall-istaġun tas-sajf. li bħal kull sena qed jattira l-eluf tad-dilettanti ta’ kull ġeneru ta’ mużika minn madwar id-dinja.

Il-festival kompla jikber bħala spettaklu tul is-snin u sar l-aktar avveniment imfittex mid-dilettanti li jqattgħu l-iljieli sħaħ ikkampjati barra fis-sit tal-festival u l-madwar.

Intant, il-Festival ta’ Glastonbury, li beda nhar l-Erbgħa u  jagħlaq nhar il-Ħadd, qed ikun organizzat f’Worthy Farm, fl-inħawi ta’ Somerset, fl-Ingilterra.

Fost l-akbar ismijiet għal din is-sena hemm Olivia Rodrigo, The 1975, Alanis Morrisette u Neil Young; il-kantant-mużiċista ikoniku Amerikan rikonoxxut għat-taħlita ta’ mużika country, folk rock u grunge.

Fl-istess ħin, il-kantant Skoċċiż veteran Rod Stewart, li żgur li mgħandu bżonn l-ebda introduzzjoni mad-dilettanti, din is-sena wkoll qed jipparteċipa fi Glastonbury bħala l-mistieden fil-kategorija tal-festival riservata għal-‘Leġġendi’.

Il-programm ta’ Glastonbury,intant, qed jinkludi performances tminn Charli XCX, RAYE, Doechii, Loyle Carner, Biffy Clyro, The Libertines, Gracy Abrams, Lola Young u Shaboozey.

Dawn l-artisti – bħal fis-snin preċedenti – qed ikantaw fiz-zoni separati ta’ Worthy Farm u meta l-organizzaturi tal-festival, mill-ġdid, qed jintroduċu wkoll numru ta’ mistiedna sorpriża biex ikomplu jallegraw lill-folol.

Dawn il-mistiedna mistennija jinkludi ismijiet kbar tal-mużika kontemporanja u meta bħala ‘surprise acts’, fis-snin preċedenti, kien hemm gruppi bħal The Killers, Radiohead u Foo Fighters.

Mistenni li ‘il fuq minn 200,000 dilettant se jattendu għall-programm mużikali pakkjat ta’ tmiem il-ġimgħa  u li għandu jikkonkludi l-Festival ta’ Glastonbury bl-aktar mod xieraq.

Minbarra l-famuż Pyramid Stage – il-palk ewlieni ta’ Glastonbury – l-organizzaturi, din is-sena, ippreparaw aktar minn 100 palk ieħor għad-diversi talenti li qegħdin joffru varjetà totali ta’ mużika…..Fi ftit kliem xi ħaġa għal kull dilettant bħalma rajna kull sena f’dan il-festival li kien organizzat għall-ewwel darba f’Settembru tal-1970 – u fi żmien meta kien magħruf bħala The Pilton Folk and Blues Festival.