Lokali

Id-Dar tal-Providenza tiddikjara li hi kontra l-ewtanasja

Id-Dar tal-Providenza hija assolutament kontra s‑suwiċidju assistit u l‑ewtanasja għax temmen li dawn jattakkaw l-qalba tas-soċjetà, li għandha d-dmir li tiddefendi l-ħajja ta’ kulħadd. Dawn ukoll jimminaw il-prinċipju tal-inklużjoni. Minbarra dan, id-Dar tal-Providenza temmen li d-dinjità tal-ħajja ma tinkisibx bis‑suwiċidju assistit. Għalhekk qed topponi b’qawwa għall-proposta li tiddaħħal l-ewtanasja volontarja assistita f’Malta.

Id-Dar tal-Providenza tinnota li kull fejn iddaħħal is‑suwiċidju assistit, seħħet bidla fil‑kultura fejn dawk “b’saħħithom” jibdew isiru stmati aktar kif ukoll tissaħħaħ l-attitudni negattiva lejn dawk li għandhom bżonn kura u assistenza medika.

L-ewtanasja tippromowvi l-kultura tal-iskart, fejn il-bniedem narawh bħala piż u jista’ jkun li l-għażla li jmut ma tkunx verament għażla personali imma influwenzata minn valuri internalizzati ta’ soċjetà li tnaqqas l-valur tal-kura u tpinġi d‑dipendenza fuq ħaddieħor bħala xi ħaġa tal‑mistħija.

Fil-fatt, id-dibattitu li għaddej bħalissa jenfasizza l-awtonomija personali u qed ipinġi stampa li aħjar tmut milli tgħix b’dipendenza u bi bżonn ta’ kura personali jew milli tkun muġugħ – kunċett li jenfasizza li ħajjet persuni f’din il-qagħda għandha inqas valur. Din faċilment tista’ twassal mid-“dritt għall-mewt” “għall-obbligu li tmut” minħabba l-pressjoni li titpoġġa fuq persuni dipendenti minn oħrajn li jħossuhom li saru piż għas-soċjetà u qrabathom. 

Din il-proposta se twassal għall-bidla perikoluża fl-etika medika fejn it-tobba jsiru strumenti tal-mewt flok difensuri tal-ħajja. Barra minn hekk, f’kultura li tħares lejn il-mewt bħala soluzzjoni, mhux l-ewwel darba li kien hemm tobba li ddeċidew li ma jsalvawx ħajjet persuna b’diżabilità għax ħassew li m’għandhiex kwalità ta’ ħajja tajba flok imxew mad-dritt għall-ħajja.

Id-Dar tal-Providenza tħoss li l-garanziji ta’ salvagwardja huma foloz għax rari jdumu fis-seħħ bħalma ġara fil-Belġju, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Kanada. Fil-Kanada, suwiċidju assistit iseħħ fuq nies li għandhom diżabilità jew kundizzjoni mentali, waqt li fl-Olanda, ġenituri jistgħu jagħżlu li jtemmu ħajjet tfal li jitwieldu b’diżabilità.

Barra minn hekk, id-Dar tal-Providenza tħoss li ż-żmien ta’ konsultazzjoni huwa qasir wisq għax ma jagħtix ċans għal diskussjoni matura u infurmata kif ukoll ma jkunx hemm parteċipazzjoni serja minn għaqdiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabilità u qrabathom.

Id-Dar tal-Providenza tisħaq li Malta għandha tibqa’ tagħti valur lill-ħajja u tkompli taħdem biex jingħataw kura u appoġġ aħjar. Dan jista’ jsir billi tinvesti f’kura paljattiva ta’ kwalità u ħolistika, billi tipprovdi servizzi aħjar għal persuni b’diżabilità u persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali, kif ukoll billi tippromwovi li kull ħajja hija denja li tingħex.