Daħal fl-aħħar fażi tiegħu l-ġuri b’rabta mal-qtil tat-Tabib Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Macieowski – il-ġuri dwar il-qtil doppju li kien seħħ f’Tas-Sliema fis-sajf ta’ ħames snin ilu.
Waqt li l-Ħamis id-difiża ta’ Dragomanski kompliet bis-sottomissjonijiet tagħha lill-ġurati, segwew ir-replika tal-prosekuzzjoni u l-kontro-replika, mill-ġdid, tad-difiża. Biex imbgħad, il-Ġimgħa, l-Imħallef Natasha Galea Sciberras indirrizzat lill-ġurati.
L-imħallef Galea Sciberras spjegat lill-ġurati l-importanza ta’ dak kollu li raw u semgħu matul il-ġuri kif ukoll l-importanza li jinnutaw il-konsistenza ta’ kull xhud meta issejjaħ sabiex jagħti x-xhieda tiegħu.
Galea Sciberras fakkrithom fil-prinċipji bażiċi li qaltilhom fl-ewwel ġurnata tal-ġuri u spjegatilhom li għandhom jimxu magħhom sabiex jaslu għall-verdett tagħhom. Hi kompliet billi qalet li dawk li jipparteċipaw fit-twettiq tar-reat jaqsmu l-intenzjoni komuni li jagħmlu reat wieħed komuni.
L-imħallef spjegat li Muka hu akkużat b’9 kapi ta’ akkużi waqt li Dragomanski huwa akkużat bi 3. Hija fakkret li għalkemm Daniel Muka ma kienx preżenti fl-awla minħabba raġunijiet li kienu jitolbu hekk, dan ma jfissirx li wieħed għandu jieħu preġudizzju kontrih.
Galea Sciberras tkompli bl-indirizz tagħha u enfasizzat dwar kif l-akkużat, Dragomanski, ma kienx jaf li kienet ser tintuża arma. Hija fakkret ukoll kif meta Dragomanski sar jaf li Muka għamel użu mill-arma, kien furjuż.
Fost affarijiet oħra, l-imħallef qalet lill-ġurati sabiex iqisu l-kliem li qal Dragormanski fl-istqarrijiet li ta, fejn qal li Muka speċifikament qallu “tisparax għal xejn b’xejn”.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-ġuri qed titmexxa mill-Avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Josè Herrera u Alex Scerri Herrera qed jiddefendu lil Dragomanski, l-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana qed tidher għal Muka, u l-Avukati Joe u Michaela Giglio qed jidhru għall-qraba taż-żewġ vittmi.
L-Imħallef Galea Sciberras mistennija tlesti l-indirizz tagħha lilll-ġurati s-Sibt filgħodu biex imbagħad jintbagħatu jiddeliberaw il-verdett fil-każ li fih jinsabu akkużati Daniel Muka u Viktor Dragomanski.
//= $special ?>