Lokali

Il-Ministru Bonett lanqas kien jaf kemm għaddejjin xogħlijiet fit-toroq bħalissa

Fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf, għad hawn ħafna zoni maqlugħin bix-xogħlijiet. Minn Għajn Tuffieħa sal-Belt Valletta – l-inkonvenjent huwa wieħed enormi.

Ma’ Net News il-Ministru Chris Bonett stqarr li dan it-tħaffir li għaddej qed joħloq l-inqas inkonvenjent possibbli. Iżda fl-istess nifs, lanqas kien kapaċi jwieġeb kemm għaddejin xogħlijiet bħalissa f’zoni varji tal-pajjiż.

Aktar kmieni dan ix-xahar il-President tal-MHRA Tony Zahra saħaq illi għalkemm kien hemm żieda fin-numru ta’ turisti, “irridu nassiguraw li x-xogħol infrastrutturali jlaħħaq mad-domanda, u jsir b’mod aktar ippjanat”. Bil-Ministru ma tantx jidher li jinsab inkwetat dwar il-problemi li qed jinħolqu – kaġun tal-fatt li ħafna zoni inqalgħu f’daqqa.

Intant, il-Ministru Bonett irrefera għax-xogħolijiet li saru fl-inħawi ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira u tenna li dan ix-xogħol laħħaq mat-timeframe li kellhom; iżda fl-ebda mument ma rrefera għal-kaos sħiħ li nqala’ fl-aħħar ġimgħat f’din iz-zona tal-pajjiż.

Dan il-kaos kien konfermat mill-MHRA stess hekk kif aktar kmieni dan ix-xahar fi stqarrija sostnew kif hemm bżonn titieħed azzjoni mmedjata li tindirizza t-tħarbit sħiħ f’Paceville u San Ġiljan – inkluż fejn hemm proġetti ta’ kostruzzjoni. Xogħol li l-MHRA saħqet li qed joħloq inkonvenjent ta’ konġestjoni ta’ traffiku u storbju; elementi negattivi ħafna li qed jaffettwaw l-esperjenza tat-turist f’pajjiżna.

Din il-kamra tal-aħbarijiet staqsiet lill-Ministru jekk l-esperjenza tat-turist f’pajjiżna tiġix affetwata b’dawn id-diversi proġetti mferxa ma’ Malta f’dan l-istaġun sajfi. Huwa kkummenta biss billi qal li t-traffiku jinsab kulimkien fid-dinja u mhux Malta biss – u fl-ebda mument ma’ rrefera għall-esperjenza ta’ dawn in-nies f’pajjiżna. Fejn kif qalu wkoll l-MHRA, dawn ix-xogħolijiet mhux fi żmienhom qed iħallu effett negattiv. Bil-Ministru jgħid li t-turisti jifhmu li dan hu xogħol li għandu jsir.

Kull tip ta’ skavar huwa projbit fl-istaġun tas-sajf f’postijiet turistiċi bl-eċċezzjoni ta’ każijiet suppost ta’ emergenza. Għalkemm jidher li dawn l-emerġenzi saru frekwenti aktar.