Opinjoni

OPINJONI: Il-pagi u s-salarji f’Malta bl-inqas żieda fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

Grafika pubblikata mill-Eurostat li turi lil Malta bl-inqas żieda fil-pagi u s-salarji
Skont ċifri pubblikati mill-Eurostat, Malta għandha l-inqas żieda fil-pagi u s-salarji fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u z-zona Ewro. Filwaqt li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena l-kost ta’ siegħa xogħol kien ta’ 4.1 fil-mija fl-Unjoni Ewropea u ta’ 3.4 fil-mija fiz-zona Ewro, iż-żieda f’pajjiżna kienet ta’ biss 0.2 fil-mija. Meta ngħaddu għall-kost nominali ta’ siegħa xogħol fl-ekonomija azjendali nsibu li l-pagi u s-salarji żdiedu b’wieħed fil-mija; jekk nieħdu l-ekonomija mhux azjendali kien hemm tnaqqis fil-pagi u s-salarji ta’ 0.9 fil-mija; fl-industrija kien hemm żieda ta’ 9.9 fil-mija; fis-settur tal-kostruzzjoni tnaqqis ta’ 2.7 fil-mija u fis-settur tas-servizzi tnaqqis ta’ 0.4 fil-mija. Hekk minn ħames setturi ekonomiċi kellna tlieta fejn il-pagi u s-salarji naqsu u mhux żdiedu. X’qed jiġri meta f’erba’ setturi ekonomiċi kellna l-agħar riżultati fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u z-zona Ewro?

minn Joe M. Zahra

Il-Gvern tal-Labour bena l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq l-importazzjoni bl-addoċċ ta’ ħaddiema minn barra. L-iktar ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. Diment li jkollna l-ħtieġa biex jagħmlu xogħol li l-Maltin ma jagħmlux, jew m’għandniex ħaddiema biex jagħmluhom, merħba bihom.

Iżda meta dawn il-ħaddiema qed jiġu biex ħafna minnhom  jiġu sfruttati u nibdluhom fi skjavi moderni ħażin ħafna. Iktar u iktar meta l-ħaddiema Maltin qed jiġu impjegati fis-settur pubbliku mhux għax hemm bżonnhom iżda għall-vot tagħhom. Qed “jinsterqu” mis-settur privat biex ikomplu jonfħu s-settur pubbliku. Ħaddiema tas-sengħa li flok ikomplu jaħdmu fi snajja’ li qed jintilfu jingħataw impjiegi li m’għandhom x’jaqsmu xejn mas-snajja’ li qed jgħibu.

Ir-riżultat ta’ tant ħaddiem barranin minn barra l-Unjoni Ewropea qed narawh sena wara sena. Il-pagi u s-salarji f’pajjiżna huma l-inqas li qed jiżdiedu fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u z-zona Ewro. Il-pagi tagħna jiżdiedu b’0.2 fil-mija fl-istess waqt li dawk tar-Repubblika Ċeka jiżdiedu bi tmienja fil-mija; tal-Estonja bi 8.3 fil-mija; tal-Latvja b’7.1 fil-mija; tal-Litwanja bi 8.7 fil-mija; tal-Irlanda b’5.4 fil-mija;  tal-Kroazja b’14.3 fil-mija; tal-Polonja bi 11.1 fil-mija; tas-Slovenja bi 11.2 fil-mija tal-Finlandja b’7.5 fil-mija.

Dawn huma pajjiżi b’ekonomiji li qed jiżviluppaw u pajjiżi li l-ekonomiji tagħhom ilhom  żviluppati iktar minn tagħna. Għaliex? Għaliex  il-ħaddiema barranin minn barra l-Unjoni Ewropea jitħallsu bl-inqas pagi possibbli u dan qed ikollu effett ukoll fuq il-pagi tal-Maltin.

Setturi fejn il-pagi qed jonqsu

Dan joħroġ ċar minn setturi fejn hemm parti kbira ta’ ħaddiema barranin minn barra l-UE. Is-setturi tal-kostruzzjoni fejn hemm iktar minn 10,000 ħaddiema minn barra l-UE u hu settur fejn il-pagi flok żdiedu naqsu. L-istess għas-settur tas-servizzi li jinkludi t-turiżmu. Hawnhekk ukoll hemm iktar minn 10,000 ħaddiem minn barra l-UE jaħdmu fil-lukandi u restoranti.

L-impatt ta’ 160,000 ħaddiem barrani f’pajjiżna mhu xejn pożittiv fejn jidħlu l-pagi u salarji. Dan qed iwassal biex anke l-pagi u s-salarji tal-Maltin u l-Għawdxin qed jitħallew lura.

Dan kollu qed iwassal lis-settur privat biex jilmenta mal-Gvern li mhux isib ħaddiema għaliex dawn qed joħodhom il-Gvern.

Dan joħroġ ċar minn nefqa f’pagi u salarji fis-settur pubbliku. Minn €654 miljun fl-2013 għal €1,024 miljun fl-2024. Żieda ta’ €370 miljun jew  57 fil-mija meta ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja – li l-Gvern jieħu parti minnha f’income tax – kienu ta’ 25 fil-mija. Ċifri li ma jidhirx li jinkludu aġenziji, korporazzjonijiet u ma nafx kemm iżjed.

Ekonomija li ma tħarisx lejn il-ħaddiem

L-ekonomija li qed jibni dan il-Gvern, u li tant jiftaħar li qed tikber, mhix mibnija fuq l-interessi tal-ħaddiema. Fuq il-benessere tal-ħaddiema. Għandna ekonomija minfuħa li nbniet fuq iċ-‘cheap labour’. F’pajjiżna ma jiġux jaħdmu ħaddiema mill-Unjoni Ewropea ħlief f’xi setturi partikolari. Il-ħaddiema barranin f’pajjiżna huma ħaddiema barra l-UE li jistgħu jitħallsu l-inqas pagi.

Meta nitkellmu dwar il-kost tax-xogħol qed nitkellmu dwar rimunerazzjoni diretta għax-xogħol li tagħmel, bonuses, allowances li jħallas min iħaddem. Issa jekk dawn jonqsu u l-ħajja togħla, kif jirriżulta li qed togħla anke iktar minn dik medja fl-Unjoni Ewropea,  ifisser li l-ħaddiem sejjer lura u mhux ’il quddiem.

Meta r-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna fl-ewwel ħames xhur tas-sena għoliet minn 1.8 fil-mija għal 2.7 fil-mija – jew b’50 fil-mija ta’ dak li kienet, meta fl-istess waqt l-inflazzjoni tal-ikel fl-istess perjodu għoliet minn 0.32 fil-mija għal 0.72 fil-mija – b’125 fil-mija, allura joħroġ iktar ċar għaliex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema sejrin lura.

Kollox juri li min hu sinjur qed ikompli jsir iktar sinjur u li l-bqija qed jitħallew lura. Ifisser li Gvern li suppost qiegħed hemm biex iħares l-interessi tal-ħaddiema qed iħares biss l-interessi tal-ftit li jaqbdu salarji d-doppju u iktar ta’ dak li jaqbad il-Prim Ministru. Dan hu meta nirreferu għal ekonomija maqluba rasha ’l isfel fejn il-ftit jitħanżru u l-bqija jieklu l-loqom li jagħtihom il-Gvern li suppost jmexxi fuq twemmin Soċjalista. Tmexxija li tfakkarna f’dik ta’ pajjiżi ultra Soċjalisti bħaċ-Ċina u Kuba fejn l-importanti li kulħadd jaħdem iżda x’jitħallsu ftit jimporta.

Pajjiżna għandu ħtieġa urġenti ta’ ekonomija li tħares il-benessere tal-ħaddiema. Fejn ikun hemm bilanċ bejn xogħol u ħin liberu. Fejn il-kwalità tirbaħ fuq il-kwantità li bnew l-ekonomija fuqha l-gvernijiet Laburisti ta’ Joseph Muscat u Robert Abela.

Kost nominal ta’ siegħa xogħol għall-ekonomija kollha; B. Ekonomija azjendali; C. Ekonomija li fil-parti l-kbira tagħha mhix azjendali;  D. Industrija;  E. Settur tal-kostruzzjoni: F. Servizzi.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju, 2025.