L-ispezzjoni mill-perit għandha titħallas mill-BCA, u mhux minn butna. Dan għaliex aħna vittmi ta’ dak li seħħ f’Paceville.
Hekk stqarrew diversi sidien ta’ ħwienet illi joperaw f’Paceville viċin il-binja ta’ Tania Flats li kkrollat ftit tal-jiem ilu, hekk kif issa ġew infurmati li qabel ma jiftħu mill-ġdid il-ħanut tagħhom għandhom inqabbdu perit biex jikkonfermalhom jekk il-binja hix fil-periklu jew le.
Skont it-Times, din l-istima tal-perit taf tkun tiswa’ xejn inqas minn €10,000, b’numru ta’ sidien jgħidu li hija ġenata li din l-ispiża se jkollhom iħallsu għaliha huma, wara li intortament spiċċaw kellhom jagħlqu in-negozju tagħhom, mingħajr ma ingħataw karti uffiċjali.
Bi tweġiba għal-mistqsijiet tat-Times of Malta, il-BCA qalet li din it-talba hija skont il-proċeduri.
L-awtorità minn naħa tagħha ma wieġbet xejn meta mistoqsija għalxiex il-ħlassijiet għandhom isiru mill-privat; u għalfejn dawn l-istess negozji kienu sfurzati biex jgħalqu.
Il-BCA naqset ukoll milli twieġeb jekk is-sidien tal-ħwienet hux se jingħataw karta uffiċjali li huma jkunu jistgħu jagħtu lill-insurance.
Fost in-negozji li kellhom jingħalqu hemm lukanda, ħanut tal-merċa, bar, spiżerija u stabbilimenti li jagħtu servizzi tas-saħħa.
Numru ta’ negozjanti spjegaw li wara li ġġarfet il-binja ta’ Tania Flats huma sabu il-ħwienet tagħhom magħluqa; bl-uffiċjali tal-BCA jgħidulhom li ma jistgħux jiftħu qabel ma jitlestew l-investigazzjonijiet.
U issa li dawn l-ispezzjonijiet huma lesti xorta waħda mhux jitħallew jiftħu hekk kif ġew infurmati li hemm bżonn iqabbdu perit minn buthom.
B’uħud jgħidu li qed ikollhom diffikulta isibu perit li lest li jagħmel spezzjoni f’din iz-zona. B’oħrajn li sabu perit naturalment jilmentaw dwar il-fejjes kbar li kellhom iħallsu bla ma kellhom ħtija ta’ xejn f’dan il-każ – anzi, kienu vittmi ta’ dak li seħħ.
//= $special ?>