It-tim tal-volleyball ta’ taħt il-15-il sena ta’ Swieqi Phoenix u Sophie St John (Ġinnastika) huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Mejju.
It-tim tal-volleyball ta’ taħt il-15-il sena ta’ Swieqi Phoenix rebaħ il-kampjonat f’din il-kategorija għall-għaxar sena konsekuttiva u żamm ir-rekord fejn ma tilfux logħba tul dawn l-aħħar għaxar snin.
Min-naħa l-oħra, il-ġinnasta Sophie St John li għandha 14-il sena u li kienet waħda mill-iżgħar atleti f’Team Malta waqt il-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa li saru f’Andorra, kellha wirjiet brillanti u kisbet tliet midalji tad-deheb, midalja tal-fidda u oħra tal-bronż. It-tliet midalji tad-deheb kienu fil-Women’s Vault, Women’s Balance Beam u fil-kategorija tat-timijiet. Hija rebħet il-fidda fil-Women’s All-Around u l-bronż fil-Floor Exercise.
Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Clinton Buhagiar.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com.
//= $special ?>