Lokali Mużika

Morsrot se jirrappreżentaw lil Malta fil-Wacken Open Air Festival fil-Ġermanja f’Lulju

Dan is-sajf Malta ser tħalli l-marka tagħha fuq livell internazzjonali fix-xena tal-heavy metal permezz tal-grupp Maltin bl-isem Morsrot.

Morsrot ser jipparteċipaw fil-festival leġġendarju fil-Ġermanja, fil-Wacken Open Air Festival. Dan il-festival huwa magħruf bħala l-akbar u l-aktar prestiġjuż fid-dinja fix-xenarju tal-heavy metal. B’Wacken tkun id-destinazzjoni favorita għal metalheads għal dawn l-aħħar tletin sena.

Morsrot, akkwistaw posthom f’dan il-festival wara li rebħu kompetizzjoni kompetettiva ferm fil-Malta Wacken Battle of the Bands. Kompetizzjoni li ttellgħet f’The Garage, post rinomat u magħruf fejn jittellgħu diversi avvenimenti relatati mal-mużika live.

Morsrot kienet waħda minn 16-il band li ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni li ttelgħet hawn Malta u ġew magħżulha bħala r-rebbieħa minn Michael Berberian li huwa fundatur tal-Metal label, Season of Mist.

The Wacken Metal Battle hija kompetizzjoni prestiġjuża li sservi ta’ pjattaforma fenomenali għal bands. Bil-kompetizzjoni sservi ta’ opportunità imprezzabbli għall-bands bħal Morsrot, filwaqt li toffri diversi kuntatti ma’ industriji tal-mużika, managers u aġenti. Fl-aħħar mill-aħħar tiftaħ diversi bibien għal futur.

Bands li rebħu l-Wacken Metal Battle fil-passat bħalma huma l-Battle Beast, Hammercult u oħrajn għamlu użu minn din l-opportunità sabiex jagħtu mbuttatura lill-karriera tagħhom fix-xena globali. Bla dubju Morsrot jinstabu lesti sabiex jimxu fuq il-passi ta’ dawk li għaddew minn din l-esperjenza qabilhom u fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu unur lil band tagħhom u anke lil Malta. Morsrot f’Lulju, propju fit-30 ta’ Lulju, ser ikunu qed jieħdu x-xena tal-mużika metal f’livell għola u jagħmlu l-marka tagħhom fuq palk internazzjonali.