Qorti

Nannu akkużat bi stupru fuq in-neputija

Raġel ta’ 70 sena jinsab arrestat wara li ġie mixli bi stupru u li ipparteċipa f’attivitajiet sesswali man-neputija tiegħu. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi.

Skont il-prosekuzzjoni, f’April tal-2024, it-tifla, li għandha 11-il sena, marret tirrapportah lill-pulizija, fejn allegat li n-nannu abbużaha fid-dar tiegħu. Wara li nfetħet inkjesta maġisterjali, ir-raġel ġie arrestat sena wara r-rapport inizjali.

L-Ispettur Wayne Buhagiar spjega li t-tifla tinsab taħt care order u li t-tfal l-oħra qed jgħixu ma’ ommhom. Qraba oħra, fosthom it-tfal u omm it-tifla, qalu li qatt ma raw imġiba ħażina min-nannu.

Id-difiża, immexxija mill-avukat Marcus Degiorgio, talbet il-ħelsien mill-arrest, u enfasizzat li r-raġel għandu problemi ta’ saħħa mentali. Huwa ilu wkoll snin ma jarax lin-neputija, li tinsab f’xelter.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u ordnat li jsir assessjar mediku tar-raġel.