F’dawn is-snin, li nkunu membri tal-Partit Nazzjonalista, partit popolari u demokristjan, ifisser li aħna nirrappreżentaw, u fl-istess ħin inkunu, vuċi u espressjoni tal-poplu
mid-Deputat Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
- Ġejjin minn fejn ġejjin, il-bnedmin f’dawn il-gżejjer għarafna l-interessi morali u ekonomiċi tal-pajjiż.
Għarafna r-realtà ta’ dawk li jaħdmu, jgħixu u jistinkaw għal dinja u futur aħjar. Bnedmin fid-dinja vera li jmissu ma’ dawk li huma wkoll protagonisti fiha.
Il-persuna
- Għax huwa l-poplu li huwa s-suġġett ċentrali tal-politika, u mhux oħrajn. Għaldaqstant irridu nibqgħu dawk li jagħrfu jkunu parti minn din ir-realtà għax id-demokrazija għandha bżonn poplu ħaj li jieħu sehem attiv fit-tmexxija tiegħu. Għax dawn huma, fil-fatt, l-għeruq tagħna.
Ħadd ma jista’ jaħseb li aħna l-Partit tal-konservazzjoni jew tal-protezzjoni tal-istatus quo, u jekk inkunu dan inkunu żbaljati fis-sejħa ta’ dak li l-pajjiż irid mingħandna.
Il-valuri
- Mill-formazzjoni tiegħu, dan il-Partit kellu ċari f’moħħu l-prinċipji u l-valuri tiegħu. Ma konniex, u m’aħniex partit fundat biex jiddefendi xi interessi partikolari ta’ xi klassi fis-soċjetà.
Aħna Partit li jħares biex f’kull żmien jibni ħajja u soċjetà aħjar u li dejjem tiġġedded fis-sewwa. Ir-rilevanza tiegħu fis-snin kienet proprju din. Ġenerazzjonijiet ta’ politiċi u bnedmin li ħassewhom fil-post ġust, li jkunu parti minn proġett politiku bbażat fuq linji gwida ta’ prinċipji etiċi Nsara.
Min jiddubita dan ikun qiegħed jiċħad l-istorja u fl-istess ħin jarmi l-valur intrinsiku tagħna.
Esperjenza
- L-esperjenza politika hija element essenzjali biex wieħed jifhem dan u jwettaq l-għażliet it-tajba. M’hemmx żmien x’wieħed jaħli, u dan seta’ jiġi użat aħjar, imma dejjem jibqa’ wieħed li nitgħallmu minnu. Kull politiku li hu u li kien jitbaskat f’dan sabiex jgħin biex dak li jidher f’pożizzjoni jiġi lura fil-post fejn għandu jkun.
Is-sejħa hija għolja u għalkemm jista’ jkun hemm min jipprova jew jaqta’ qalbu, irridu nwieġbu għaliha. Irridu nifhmu li wara tliet leġiżlaturi, bis-saħħa politika tal-partit fil-Gvern, issa wasal il-mument li l-affarijiet jinbidlu. Wasal il-ħin, b’neċessità għall-pajjiż u għall-poplu, li jkun hemm viżjoni differenti u metodi politiċi aqwa.
Il-futur
- Il-futur ħadd ma jarah ġej. Jista’ bniedem ikun profeta, imma minn dawn ftit issib. Jista’ jaqta’ u jista’ wkoll le. Il-fatt jibqa’ li ċ-ċirkostanzi jinbidlu.
F’dan, il-bidliet mhux dejjem ikunu prevedibbli, imma l-bniedem fil-politika jrid jaġixxi skont dak li jsib quddiemu. Jieħu d-deċiżjonijiet biex filwaqt li ma jibdilx il-valuri sodi tiegħu, iħares biex iwettaq is-sewwa. Dan huwa wkoll żmien ta’ hekk. Huwa żmien li fih irridu lkoll flimkien inħarsu li nkomplu nibnu l-politika tagħna għall-ġid veru tal-poplu.
Ottimiżmu
- F’ħajti rajt numru ta’ kapijiet li ġew u li ma baqgħux kapijiet. Minn Dottor George Borg Olivier rajt bnedmin iservu, jiddibattu, jintervjenu u jaqbżu għan-nies. Ħadd minnhom ma ħareġ sinjur mill-politika. Kull wieħed aġixxa fl-onestà interjuri tiegħu biex iwettaq dak li huwa ra siewi. F’dan għalhekk huwa ċertament dejjem iebes, odjuż, antipatiku, li wieħed jara Kap jispiċċa. Daqshekk ieħor ikkumplikat biex isir ieħor warajh.
Isir diskors żejjed fix-xejn biex jiġi mfaħħar kandidat u mmaqdar ieħor. Jiġu f’kunflitt bnedmin tal-istess partit. Imma fl-aħħar mill-aħħar hemm proċess ta’ bidla li jsir biex il-Partit jibqa’ rilevanti u attwali.
Prinċipji
- F’dan kollu, għalkemm aħna bnedmin, bl-imperfezzjonijiet tagħna, xorta rridu nassiguraw li ma ninsewx li aħna għandna kwalitajiet u identità uniċi.
F’dan jista’, u kif nafu, ser ikun hemm min imaqdarna tant li jipprova jikkonvinċina. Imma fit-triq li ġejja, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi, niżbaljaw jekk naħsbu li m’aħniex kapaċi. F’dan nappella għall-kuraġġ u li f’ebda mument m’għandna, b’xi mod, niddubitaw minna nfusna f’dak li rridu naffrontaw.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 22 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>