:
It-tim Malti temm l-impenji tiegħu fil-Kampjonati Ewropej tal-Atletika f’Maribor, is-Slovenja, fil-ħames post, fejn ikkonferma l-pożizzjoni miksuba sentejn ilu fil-Polonja. It-tim Malti kien qed jikkompeti fit-Tielet Diviżjoni, kampjonat li jinkludi mhux biss il-parti l-kbira tan-nazzjonijiet li jipparteċipaw fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar iżda wkoll oħrajn ikbar, bħall-Bożnija, il-Ġorġja u l-Ażerbajġan.
L-Iżlanda temmet fil-quċċata ta’ din id-Diviżjoni u flimkien mal-Lussembrgu u l-Bożnija ġew promossi fit-Tieni Diviżjoni. Il-ħames post ta’ Malta, wara l-Moldova, inkiseb bl-inklużjoni ta’ għadd ta’ atleti żgħażagħ, u r-riżultati pożittivi tagħhom jawguraw tajjeb għal futur ta’ dan l-isport.
Fost l-aqwa prestazzjonijiet tat-tieni ġurnata, Gina McNamara għaqqdet doppjetta personali meta wara t-800m rebħet ukoll l-1500m f’4:27.22. Rachela Pace kompliet fil-vena pożittiva hekk kif wara r-rebħa sabiħa fil-long jump, kisbet ukoll it-tielet post fit-triple b’13.39m.
Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena Benjamin Salnitro kkonferma l-potenzjal tiegħu meta temm it-tielet fil-110m hurdles b’ħin ta’ 14.98s, filwaqt li b’qabża ta’ 4.35m Nicolai Bonello kiseb ukoll it-tielet post fil-pole vault.
Fl-isteeplechase, tellieqa fuq 3000m, tielet post ukoll għal Luke Micallef f’ħin ta’ 9:16.16.
Proprju fl-aħħar avveniment tal-kompeizzjoni, il-4x400m mixed relay, it-tim kiseb record nazzjonali, hekk kif Nick Bonett, Martha Spiteri, Matthew Galea Soler u Gina McNamara waqqfu l-arloġġ f’ħin ta’ 3:26.79.
Il-parteċipazzjoni Maltija f’Maribor kienet appoġġjata minn SportMalta.
//= $special ?>