Erba’ rġiel akkużati b’rabta ma’ waħda mill-akbar serqiet ta’ droga fil-pajjiż, ingħataw il-ħelsien mill-arrest. Is-serqa kienet tinvolvi 132 kilo reżina tal-kannabis, li kienet qed tinżamm taħt il-kustodja tal-Forzi Armati ta’ Malta.
L-akkużati huma Sean Attard, ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Yousef Essesi, ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar, Carlos Pace, ta’ 23 sena u Cleaven Pace, ta’ 19-il sena mill-Marsa.
L-erba’ rġiel qed jiffaċċjaw akkużi ta’ serq ta’ droga, assoċjazzjoni kriminali, u pussess ta’ kannabis mhux għall-użu personali.
Carlos Pace qed jiġi akkużat wkoll li kiser sentenza sospiża li ngħatatlu fl-2023, kif ukoll kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja imposti fl-2024 rigward każijiet oħra.
Huma kollha qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Qorti laqgħet il-provi u l-argumenti ppreżentati, u qalet li l-gravità tal-akkużi waħedhom mhumiex biżżejjed biex tiġi miċħuda il-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ħadet ukoll inkonsiderazzjoni ż-żmien li l-akkużati diġà għamlu taħt arrest.
B’hekk, l-erbgħa persuni ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet stretti. Kull wieħed kellu jħallas depożitu ta’ €30,000 u jipprovdi garanzija personali ta’ €40,000. Barra minn hekk, ġew ordnati jiffirmaw l-għassa kuljum.
F’dan il-każ ġew imsemmija wkoll Liam Stewart u Christa Gauci, li hija l-għarusa ta’ Cleaven Pace. It-tnejn kienu tressqu l-Qorti separatament….. u ukoll ingħataw il-ħelsien mill-arrest aktar kmieni din is-sena.
//= $special ?>