“Hawn mintix numru. Hawn imħabba ġenwina, fejn ħadd ma jippretendi xejn minnek ħlief li timxi ‘l quddiem”.
Kienet din waħda mit-testimonjanzi ta’ resident tal-Caritas li elenka d-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, fid-diskors wassal waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga. Huma 23 li ggradwara mill-programm ta’ rijabilitazzjoni ta’ din is-sena, wara xhur ta’ ħidma sabiex jikumbattu l-vizzju tad-droga bl-għajnuna ta’ Caritas Malta.
Fid-diskors tiegħu, Anthony Gatt filwaqt li apprezza l-ħidma tal—awtoritajiet sabiex jiġi miġġieled il-vizzju tad-droga, huwa elenka kif il-pjaga hija l-bogħod ħafna mill-fejqan.
Huwa spjega li pajjiżna qed jara kultura li d-droga tieħodha biex tiddeverti. Bl-aħħar rapporti jindikaw l-użu ta’ laughing gas, it-tipjiġ tal-kannabis fil-pubbliku, l-użu ta’ kokaina – fejn saħanistra elenka sitwazzjoni fejn koppja li bbukkjat it-tieġ tagħha u ħallset għall-mobile toilets – ġiet mistoqsija tridx li dawn ikollhom xkaffa jew le.
Huwa spjega illi fis-sena 2023, pajjiżna ra rekord nazzjonali devastanti ta’ 18-il persuna li mietet bid-droga, 13 minnhom b’attakk ta’ qalb minħabba kokaina eċċessiva.
Preżenti għal din is-serata kien hemm dawk li temmew il-kors mal-Caritas. Attendew ukoll id-deputati David Agius, Ivan Bartolo u Graziella Galea.
Anthony Gatt minn naħa tiegħu għamel referenza wkoll għall-inċidenti tat-traffiku minħabba l-użu tad-droga, fejn spjega li Cartias Malta tkellmet ma’ tobba forensiċi u anke dawk li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza li huma mħassba ferm dwar is-sewqan taħt l-effett tad-droga.
Bid-Direttur ta’ Caritas Malta jispjega kif mil-liġi dwar it-twaqqif tal-awtorità marbuta mal-kannabis – irriżulta li dawn li jissejjħu grow shops – jistgħu jirreklamaw il-kannabis, flimkien mal-fatt li qed jinbigħu prodotti li jkollhom persentaġġ żgħir ta’ kannabis bit-tabella li tindika li ironikament mhux għall-konsum pubbliku. Kien propju minħabba dawn il-fatti, illi Anthony Gatt appella sabiex il-Pulizija, uffiċjali tal-LESA u Transport Malta jingħataw l-għajnuna u l-għodod kollha meħtieġa.
Preżenti għall-gradwazzjoni kien hemm il-President ta’ Malta, u anke l-Arċisqof Charles Scicluna li rringrazzja lill-gradwati tas-sinjal ta’ tama u kuraġġ li jirrappreżentaw. Hu appella sabiex il-konsum tal-bniedem ikun l-imħabba u mhux id-droga.
//= $special ?>