Lokali

“Is-sitwazzjoni f’Monte Carmeli hija kaotika”

Qed jinjorawna, se nibqgħu nippersistu, neħtieġu risposti.

Sostna dan il-Professur Andrew Azzopardi f’kollegament mal-programm Net Live il-Ġimgħa filgħaxija fejn tkellem dwar is-sala 1B fl-Isptar Monte Carmeli, sala li issa spiċċat vakata – bl-irġiel li kienu qed jirrisjedu fiha jitkeċċew ‘il barra.

Wara jiem ta’ kritika fejn intqal, inkluż minn Azzopardi nnifsu, li dawn il-persuni li huma maħkumin mill-vizzji tas-sustanzi illeċiti jew saħansitra b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali, dawn in-nies minflok instabilhom lok ieħor fejn jirrisjedu….twaddbu għal riħhom fit-toroq.

B’Azzopardi jgħid li ilu għal dawn l-aħħar xhur jinsisti fuq titjib u soluzzjoni adegwata għal dawn in-nies – kemm fuq livell soċjali kif ukoll Ministerjali; madanakollu l-affarijiet baqgħu l-istess.

Huwa sostna li l-qofol intlaħaq bl-arroganza ta’ kumment tal-Ministru JoEtienne Abela fejn saħaq li jekk ma jogħġobhomx jitilqu ‘l barra – biex issa tkeċċew għaliex din is-sala ma kienet sala xejn.

Intant, Andrew Azzopardi fakkar li l-Ministru Abela dar minn kliemu. Bil-Gvern l-ewwel jgħid li se jagħlaq l-Isptar Monte Karmeli u jdawwru f’residenza għall-Anzjani biex issa se jżommu miftuħ.

Huwa saħaq li jeħtieġ rinnovar b’mod immedjat għaliex in-nies jibżgħu jmorru jieħdu l-kura f’dan il-post.

Intant huwa insista li ma jistax ikun il-Gvern jibqa’ jattakka lill-media. U għandu jxammar il-kmiem u jammetti li xi ħaġa trid issir b’mod effettiv u immedjat.