Lokali Qorti

Jingħata sentenza sospiża wara li ammetta li weġġa’ lis-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 45 sena mill-Isla, ġie kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta akkużi relatati ma’ vjolenza domestika kontra s-sieħba tiegħu.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, fejn il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Christian Cauchi spjegat kif kienet il-vittma li għamlet rapport lill-Pulizija f’Bormla, l-Ġimgħa waranofsinhar, fost ħafna għajjat u tensjoni.

Il-vittma rrakuntat li malli wasslet id-dar rat lir-raġel jippuntalha dak li deher bħala arma tan-nar mit-tieqa tal-kċina.

Aktar tard irriżulta li l-arma kienet replika.

Fil-Qorti, il-vittma allegat ukoll kif l-akkużat għafsilha jdejha, u kkawżalha ġrieħi ħfief.

Hija żiedet li l-akkużat ilu jbati minn problema serja ta’ abbuż tad-droga.

Intant, il-prosekuzzjoni rrimarkat li l-akkużat irvilla meta ġie arrestat, tant li ta daqqa fuq banketta u kiser idu.

L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.

Minbarra s-sentenza sospiża, il-Qorti ppresudat mill-Maġistrat Gabriella Vella ordnat li l-akkużat jitpoġġa taħt programm ta’ trattament għal tliet snin sabiex jindirriza l-problema tad-droga.