Lokali

L-OASI tiċċelebra 34 sena ta’ servizz fil-jum kontra d-droga

Nhar il-Ħamis, il-Fondazzjoni OASI fakkret 34 sena ta’ ħidma u impenn kontra l-abbuż mid-droga u t-traffikar illeċitu – f’ġurnata li tfakkar ukoll il-Jum Internazzjonali ddedikat għal din il-kawża.

Fil-qalb tal-attività li saret f’Għawdex kien hemm messaġġ wieħed ċar: id-dipendenza tista’ tolqot lil kulħadd. Iżda b’appoġġ u għarfien, il-fejqan huwa possibbli.

Preżenti għal din il-ġurnata kien hemm il-President, Myriam Spiteri Debono, li rrikonoxxiet il-ħidma kruċjali tal-OASI; kemm fil-qasam terapewtiku kif ukoll fl-edukazzjoni fi skejjel u l-komunitajiet.

Noel Xerri u Joseph Borg f’isem il-Fondazzjoni, enfasizzaw kemm hija sfida kontinwa li tilqa’ kontra forom ġodda ta’ dipendenza. U saħqu li l-OASI se tibqa’ spalla għal kull min qed ibati… u għall-familji tagħhom ukoll.

Intant, il-Fondazzjoni tat il-‘Ġieħ l-OASI’ lill-Victoria Scouts Group, bħala sinjal ta’ gratitudni għall-appoġġ u d-dedikazzjoni matul is-snin