Lokali

Tingħata l-aħħar tislima liċ-ċkejken Zaylen

Is-Sibt filgħodu ngħatat l-aħħar tislima liċ-ċkejken Zaylen fil-Parroċċa ta’ San Bartilmew Appostlu f’Ħal Għargħur.

Dan hekk kif it-tifel ta’ sitt snin tilef ħajtu traġikament nhar il-Ħadd f’pixxina fin-Naxxar, fl-età ta’ 6 snin…. traġedja li kesħet pajjiż.

Bosta kienu dawk li taw l-aħħar tislima lil dan it-tifel maħbub minn bosta li miet f’età daqshekk tenera, proprju fil-jum li kellu jagħmel l-ewwel Tqarbina.

Dawk li attendew għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Zaylen, kienu mitluba jilbsu abjad u blu, il-kuluri deskritti mill-qraba tiegħu bħala l-aktar li kienu jirriflettu l-kuluri tar-ruħ pura u l-ferħ li ġab miegħu f’din id-dinja.

Diversi kienu dawk li ntlaqtu mill-kliem mimli emozzjoni ġej minn fomm il-qraba tiegħu, l-aktar il-ġenituri…li spjegaw li minkejja ż-żmien magħhom kien ferm qasir, bil-ħajja maħsuda daqshekk malajr, l-ispirtu tiegħu se jibqa’ jgħix flimkien magħhom għal għomorhom.

Intant, minflok fjuri waqt din iċ-ċelebrazzjoni ntalbu donazzjonijiet favur proġett speċjali hekk kif mistenni jinbena dak li qed jiġi msejjaħ Zaylen’s Playground fi ħdan il-lok ta’ Hand in Hand – post fejn dan iċ-ċkejken kien iqatta ħafna mill-ħin tiegħu.

Dan sabiex il-ferħ, daħq u logħob ta’ tfal l-oħra dejjem jibqgħu jfakkru l-memorja ta’ dan it-tifel li ħalla din id-dinja f’età daqshekk ċkejkna.