Internazzjonali

Tissokta t-tensjoni bejn l-Iran u Trump

Il-President Amerikan Donald Trump reġa’ ħoloq kontroversja wara li attakka lill-Mexxej Suprem Iranjan b’kummenti li l-Iran sejjaħ “insultanti u inaccettabbli”.

Dan kollu wara li Tehran iddikjarat li “rebħet il-gwerra kontra Iżrael”, f’dik li qed tiżviluppa fi gwerra ta’ kliem aktar milli ta’ armi.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran wieġeb bil-qawwi, u wissa lil Trump biex jevita diskors li jista jqajjem tensjoni, speċjalment fi żmien fejn eluf qed isofru t-telfa wara gwerra ta’ 12-il jum.

Trump, min-naħa tiegħu, insista li waqfien mill-ġlied f’Gaża “huwa qrib”, waqt li fl-istess ħin iċ-ċentru tal-kritika tiegħu baqa’ fuq il-mexxejja Iranjani u l-alleanzi tagħhom fil-Lvant Nofsani.

Intant, l-attakki mill-ajru mill-armata Iżraeljana komplew f’Gaża, u mill-inqas 34 persuna nqatlu, skont sorsi mediċi li tkellmu mal-midja internazzjonali.

L-attakki bdew il-Ġimgħa filgħaxija u komplew sa kmieni s-Sibt filgħodu.

Fost il-vittmi kien hemm 12-il persuna li kienu qed isibu kenn fi Stadium tal-Palestina f’Gaza City, kif ukoll tmienja oħra li kienu jgħixu f’appartamenti, skont staff fl-isptar Shifa fejn ittieħdu l-katavri.

Fil-Muwasi fin-nofsinhar ta’ Gaża, sitt persuni oħra mietu meta t-tinda tagħhom intlaqtet minn attakk.

L-armata Iżraeljana s’issa għadha ma kkummentatx fuq dawn il-każijiet.