Futbol Sport

Aitana Bonmati qed tirkupra tajjeb mill-meninġite virali

Aitana Bonmati
Aitana Bonmati

Il-midfielder Spanjola Aitana Bonmati ħarġet mill-isptar wara li fil-jiem li għaddew kienet qed tingħata l-kura għall-meninġite virali. Din l-aħbar ħasdet lit-tim nazzjonali Spanjol, u mhux anqas lill-partitarji, jiem biss qabel il-bidu tal-Euro 2025 tan-nisa li se tkin qed tiġi organizzata fl-Iżvizzera.

Bonmati, li għandha 27 sena, hi meqjusa bħala plejer importanti fl-iskwadra Spanjola. Hi kienet ir-rebbieħa tal-Ballon d’Or għal dawn l-aħħar sentejn.

Nhar il-Ħamis li għadda, lejlet il-logħba ta’ ħbiberija ta’ Spanja kontra l-Ġappun, Bonmati falliet it-taħriġ wara li bdiet tħossha ma tiflaħx u l-għada ttieħdet l-isptar mit-tobba tal-Federazzjoni Spanjola.

Skont l-aħħar bulletin mediku,  Bonmati tinsab aħjar, qed tirkupra tajjeb, se tingħaqad mat-tim nazzjonali “fil-jiem li ġejjin”, hekk kif it-tim nazzjonali Spanjol  telaq lejn l-Iżvizzera llum wara nofs in-nhar.

Il-plejer ta’ 27 sena, li rebħet il-Ballon d’Or għall-aħħar sentejn, tilfet ir-rebħa ta’ ħbiberija ta’ 3-1 kontra l-Ġappun f’Leganes, Spanja, nhar il-Ġimgħa.

Il-Euro 2025 fl-Iżvizzera se tkun qed tibda nhar l-Erbgħa u Spanja se tilgħab kontra l-Portugall fl-ewwel logħba tal-Grupp B f’Bern nhar il-Ħamis li ġej.

“Grazzi lil kulħadd għall-messaġġi li rċevejt u lil dawk li għenuni f’dawn l-aħħar jiem,” kitbet Bonmati fuq Instagram.

“Fortunatament, kollox sejjer tajjeb. Nittama li nerġa’ nkun lura dalwaqt.”