Mill-2022 ‘l hawn, il-Ministri tal-Gvern naqsu milli jwieġbu aktar minn 1,000 mistoqsija parlamentari.
Dan jirriżulta minn informazzjoni li ġiet żvelata mill-gazzetta MaltaToday.
Tliet ministeri għandhom aktar minn 100 mistoqsija parlamentari mhux imwieġba.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima naqas milli jwieġeb l-aktar – hekk kif weġibx 182 mistoqsija parlamentari. Warajh hemm il-Ministru tat-Traffiku Chris Bonnet, b’150 mistoqsija mhux imwieġba, u l-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela b’127.
Minbarra dawn il-Ministri, il-Prim Ministru Robert Abela waħdu għadu ma weġibx 53 mistoqsija parlamentari.
Id-domandi parlamentari – jew kif inhuma magħrufa, il-PQs – huma ferm importanti, għaliex bihom il-membri tal-Parlament jkollhom aċċess għal aktar informazzjoni u jsir skurtinju fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu; sabiex il-Gvern ikun aktar trasparenti.
Is-sena li għaddiet, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anglu Farrugia stess kien għamel sejħa għal “dibattitu serju” fuq il-proċedura tal-mistoqsijiet parlamentari. Hu kien insista li l-mistoqsijiet parlamentari kollha għandhom ikunu mwieġba sabiex il-poplu jkun jista’ janalizza l-ħidma tal-Gvern.
Anke l-PN ilu snin sħaħ jappella għal riforma sħiħa fil-mod kif jopera l-Parlament, inkluż f’dak li għandu x’jaqsma mal-PQs. Dan apparti l-proposta li jsir – kif isir fl-Ingilterra – li jkun hemm ħin speċifiku ta’ Mistoqsijiet Parlamentari indirizzati lill-Prim Ministru.
//= $special ?>