Fi tmiem il-ġimgħa ma naqsux l-attakki qattiela ta’ Iżrael fuq il-komunitajiet tal-Palestinjani f’Gaza …Dan waqt li l-Iżraeljani sostnew li kienu kostretti għal numru ta’ azzjonijiet fil-konfront ta’ individwi suspettużi li dehru ta’ theddida għat-truppi tagħhom fl-artijiet inkwistjoni.
Madankollu, kellhom ikunu ċ-ċivili li ġarrbu l-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet, fost rapporti li nqatlu aktar minn 80 f’perjodu ta’ 24 siegħa – b’aktar minn 400 jindarbu mill-attakki fuq id-diversi zoni ta’ Gaza.
Iċ-ċifri tal-vittmi qed jipprovduhom is-sorsi qrib il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza li hu mmexxi mill-grupp Ħamas.
Fl-istess ħin, il-membri tal-istaff fl-isptar ta’ Al-Shifa qalu li, f’inċident partikulari, inqatlu numru ta’ tfal li kienu parti minn grupp ta’ Palestinjani.
Sar magħruf, wara, li huma mietu b’kaġun ta’ attakk dirett fuq sit viċin ta’ stadium fil-Belt ta’ Gaza….Stadium li qed jintuża bħala refuġju għall-Palestinjani li tilfu djarhom b’riżultat tal-konflitt bejn il-qawwiet Iżraeljani u t-terroristi tal-Ħamas.
Kelliema għall-militar Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, qalu li ma kienu jafu xejn dwar il-vittmi ċivili b’riżultat tal-attakk partikulari. Huma insistew li kellhom jirreaġġixxu għal sitwazzjoni fejn it-truppi tagħhom setgħu jispiċċaw mira għall-azzjonijiet tal-Ħamas.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li hu fiduċjuż li, fil-jiem li ġejjin, jikkonkludi ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza.
Fl-istess ħin, il-medjaturi fil-Qatar esprimew tamiet li l-pressjoni minn Washington twassal tassew għal ftehim wara fażi tal-gwerra li ilha għaddejja minn Marzu u wara li kien ikkrolla l-patt inizjali għall-waqfien mill-ġlied — bl-Iżraeljani jattakkaw mill-ġdid liz-zoni ta’ Gaza.
Sadanittant, mistenni li r-rejds fuq Gaza, għalissa, ikomplu minkejja li l-Ħamas irrappurtaw li huma wkoll qed iżidu l-isforzi lejn ftehim għal waqfien mill-ġlied li jinvolvi l-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani li ilhom ix-xhur miżmuma mit-terroristi. Madankollu, għadhom s’issa staġnati n-negozjati tal-Ħamas ma’ Iżrael.
F’Iżrael, intant, qed ikomplu d-dimostrazzjonijiet għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani minn Gaza, bl-organizzaturi jinsistu li wasal iż-żmien biex jintemm il-ġlied u biex l-Iżraeljani (f’Gaza) li għadhom ħajjin jirritornaw fi ħdan familthom mill-aktar fis.
//= $special ?>