L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) irċieva ilment mingħand erba’ ġurnalisti sportivi rigward l-imġiba tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) dwar rapport li kien ippubblikat dwar sejħa tal-MFA għall-fotografi volontarji
L-IĠM flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sport (MSJA) raw il-verżjoni bl-Ingliż u bil-Malti tad-dritt ta’ risposta li l-MFA bagħtet lill-websajt Malta Sport, kif ukoll ittra mibgħuta lic-Chairman tal-AiMS, s-Sur Antonio Mizzi, fejn il-MFA lmentat dwar l-imġiba ta’ żewġ impjegati tal-awtorità, u wkoll messaġġ privat mibgħut mill-President tal-MFA, s-Sur Bjorn Vassallo, lil wieħed mill-ġurnalisti.
Filwaqt li kull entità għandha d-dritt li tipprovdi dritt ta’ risposta biex tikkoreġi xi żbalji f’rapportaġġ, dritt ta’ risposta m’għandux jintuża bħala spazju biex jiġu attakkati jew intimidati ġurnalisti. Dan japplika għal kull tip ta’ ġurnaliżmu.
L-IĠM u l-MSJA jikkundannaw it-ton użat fil-verżjoni bil-Malti tad-dritt ta’ risposta, li fiha ġew attakkati tliet ġurnalisti sportivi, speċjalment meta wieħed iqis li dawn esprimew biss l-opinjoni personali tagħhom fuq il-midja soċjali u ma kinux awturi tar-rapport.
L-IĠM u l-MSJA jikkundannaw ukoll il-messaġġ privat li s-Sur Vassallo bagħat lil wieħed mill-erba’ ġurnalisti, li ntemm b’espressjoni mhux xierqa: “Strieħ fil-paċi.” Dan, flimkien mal-ittra uffiċjali mibgħuta lill-AiMS dwar żewġ ġurnalisti li huma wkoll impjegati mal-awtorità, jista’ jitqies bħala attentat ta’ intimidazzjoni personali għaliex esprimew opinjoni pubblika.
L-IĠM u l-MSJA jittamaw li l-MFA tirtira l-parti tad-dritt ta’ risposta li tindirizza personalment lill-ġurnalisti in kwistjoni, u li fil-futur turi aktar responsabbiltà meta twieġeb għal kritika pubblika.
//= $special ?>