Lokali

Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN tirċievi żewġ espressjonijiet ta’ interess għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista

Hekk kif illum fis-2pm għalaq il-perjodu li matulu setgħu jippreżentaw id-dikjarazzjoni tal-interess tagħhom kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista; il-Kumissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN tħabbar li rċeviet b’kollox żewġ espressjonijiet ta’ interess għal din il-kariga.

Il-kandidati prospettivi għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista li mlew il-formola tad-dikjarazzjoni tal-interess tagħhom huma:

Alex Borg
Adrian Delia

Kif jistipula Artiklu 90a tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, is-sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess għal din il-kariga kienet miftuħa għal sebat ijiem. Fetħet nhar il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2025 fis-2pm u għalqet illum. Dan il-proċess beda wara li bħal-lum ġimgħa l-Kunsill Ġenerali tal-PN nieda l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Issa, kif jipprovdi l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali tal-PN trid fi żmien jumejn mill-għeluq ta’ din is-sejħa tibgħat l-ismijiet tal-membri tal-Partit li jkunu ddikjaraw l-interess tagħhom f’din il-kariga lill-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista li min-naħa tagħha tniedi l-verifiki meħtieġa.

Dan il-proċess ta’ due diligence jista’ jieħu sa massimu ta’ sitt ġimgħat u wara li jintemm, il-Kummissjoni Kandidati tibgħat ir-rapport tagħha lill-Kunsill Amministrattiv tal-PN u lill-Kummissjoni Elettorali b’dikjarazzjoni dwar jekk il-membri li esprimew l-interess tagħhom jissodisfawx il-kriterji tal-verifika.

Wara, fi żmien tlett ijiem, il-Kummissjoni Elettorali tiftaħ uffiċjalment in-nomini għal din il-kariga għal perjodu ta’ ħamest ijiem. F’dan il-perjodu jkunu jistgħu jitfgħu n-nomina biss dawk li jkunu esprimew l-interess tagħhom u għaddew mil-proċess ta’ due diligence.

Dan intqal fi stqarrija minn Mario Callus iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN.