Internazzjonali

Is-Serbja: Tmiem il-ġimgħa ta’ irvellijiet kontra l-President Vucic u l-Gvern tiegħu

Dejjem aktar Serbi qed jissieħbu fil-protesti popolari kontra l-Gvern u l-President Aleksandar Vucic li ilu jmexxi lis-Serbja għal dawn l-aħħar 12-il sena. Dan meta l-pulizija f’Belgrad, fl-aħħar sigħat, ikkonfrontaw il-folol tad-dimostranti li qed jinsistu għal elezzjoni ġenerali bikrija u biex Vucic iwarrab ‘malajr’smit-tmexxija.

L-avversarji ta’ Vucic qed jakkużaw lill-President u l-alleati politiċi tiegħu dwar rabtiet mal-kriminalità organizzata flimkien ma’ diversi skandli ta’ korruzzjoni. Huma qalu li Vucic qed jinkoraġġixxi l-vjolenza kontra l-avversarji tiegħu minbarra li qed jagħmel li jista’ biex joħnoq lill-istampa ħielsa….Akkużi li l-President Serb qed ifissirhom bħala infondati.

Aleksandar Vucic għandu rabtiet sodi mar-Russja u meta s-Serbja ( kandidat għall-isħubija fl-Unjoni Ewropea )  ma sseħbitx fis-sanzjonijiet li l-Punent impona fuq Moska b’konsegwenza tal-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi ta’ Vladimir Putin.

Sadanittant, f’Belgrad, fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu l-akbar ammont ta’ dimostranti ta’ kontra l-Gvern għal xhur u meta f’ħin minnhom ‘il fuq minn 150,000 ippakkjaw iċ-ċentru tal-kapitali. Ħafna dimostrazzjonijiet tmexxew mill-istudenti li għajjtu s-slogans kontra ‘il-Gvern populista’ u biex huma jivvutaw f’elezzjoni bikrija.

Fl-aħħar sigħat ukoll, sfaw arrestati għexieren ta’ dimostranti, bil-pulizija Serba għal kontra l-irvellijiet jisparaw il-gass tad-dmugħ u s-stun grenades fuq il-folol pakkjati ma’ xulxin fil-kapitali.

Min-naħa tiegħu, il-President Vucic qed jakkuża lid-dimostranti li jridu elezzjoni bħala ‘strument f’kumplott maħdum mill-barranin li qed jippruvaw jaħtfu l-kontroll tas-Serbja’…U f’messaġġ fuq il-media soċjali, Vucic insista li dawn l-allegati elementi barranin fallew bil-kbir fl-iskopijiet tagħhom.