L-Iran –minkejja li sofra sensiela ta’ attakki ‘devastanti’ mill-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael u l-Istati Uniti – xorta fadallu l-kapaċitajiet biex jibda mill-ġdid l-irraffinar tal-uranjum….Proċess li jista’ jirranka mill-ġdid fi kwistjoni ta’ xhur u meta l-materjal inkwistjoni jista’ ikun inkorporat f’missila għall-qerda tal-massa.
Dan qalu Rafael Grossi, il-Kap tal-International Atomic Energy Agency (IAEA), li spjega li l-attakki ta’ jiem ilu mis-stealth bombers tal-Istati Uniti wettqu ħsarat sostanzjali ‘iżda mhux totali’ fil-faċilitajiet tal-Iranjani li jipproduċu n-nukleari.
Dan fih innifsu jikkontradixxi bil-kbir l-istqarrija tal-President Amerikan, Donald Trump, li l-qawwiet tiegħu rnexxielhom jeqirdu ‘darba għal dejjem’ lil dawn il-faċilitajiet.
Rafael Grossi, intant, sostna li ħadd ma jista jgħid li l-kapaċitajiet tal-Iranjani għall-iżvilupp tan-nukleari spiċċaw ridotti għal ‘zero’.
Il-qawwiet Iżraeljani kienu attakkaw lis-siti militari u nukleari tal-Iran fit-13 ta’ Ġunju fost l-insistenza li r-reġim ta’ Tehran kien qrib li jiżviluppa l-armamenti nukleari wara ħafna snin ta’ provi.
U ftit aktar minn ġimgħa ilu, l-Istati Uniti ssieħbet fl-attakki fuq l-Iran, bl-ajruplani tat-tip B2 jitfgħu il-bombi ta’ kategorija speċjali fuq is-siti nukleari ta’ Fordow, Natanz u Isfahan.
Iżda minn dakinar ‘il hawn, il-livell ta’ qerda f’dawn is-siti baqa’ suġġett għall-ispekulazzjoni kif ukoll għat-teoriji konfliġġenti.
Min-naħa tiegħu, Rafael Grossi informa lil CBS News li l-Iran, sa ftit xhur oħra, jista’ ikun f’sitwazzjoni fejn jattiva numru ta’centrifuges għall-produzzjoni tal-uranjum irraffinat. Dan meta l-Iran għad għandu l-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi għal dan it-tragward.
Il-kumment segwa l-evalwazzjoni preliminarja tal-Pentagon (f’Washington) — informazzjoni li saret magħrufa permezz ta’ leak — li l-Iran, ‘il quddiem, se jkun jista’ ikompli bl-attivitajiet nukleari tiegħu.
Fl-istess ħin, hu wkoll possibbli li s-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti u Iżrael joħorġu aktar informazzjoni tindika livell ‘ħafna ogħla’ ta’ ħsarat fil-faċilitajiet tal-Iranjani..
Min-naħa tiegħu, il-President Trump jinsab ferm urtat dwar din l-ispekulazzjoni waqt li għadu jirrepeti li s-siti nukleari tal-Iran ‘spiċċaw meqrudin għal kollox’. Hu qed akkuża lill-media ‘b’li qed tipprova timminimizza l-impatt tal-aktar azzjoni militari impressjonanti fl-istorja’ – dejjem b’referenza għall-attakki ta’jiem ilu bil-B2s.
Għalissa, Iżrael u l-Iran qed jirrispettaw ftehim għal waqfien mill-ġlied — madankollu Trump għamilha ċara daqs il-kristall li għandu jikkunsidra l-attakki ġodda fuq l-Iranjani f’sitwazzjoni fejn is-servizzi sigrieti jindikaw li Tehran qiegħed jirraffina l-uranjum għal-livelli ‘inkwetanti’.
//= $special ?>