Heritage Malta u għaqda volontarja tal-Knisja Parrokkjali tal-Isla qed joffru repliki preċiżi tal-istatwa ikonika u mirakoluża tar-Redentur tal-Isla.
Din ix-xbieha għandha storja twila u sinifikanti. Maħduma fl-1742 mill-iskultur Saverio Laferla u meqjuma fl-Oratorju tas-Santissimu Kurċifiss, mill-ewwel ġibdet lejha devozzjoni kbira, speċjalment meta faqqgħet il-pesta fl-1813.

Il-vara għadha sal-lum meqjuma mhux biss fl-Isla iżda f’Malta kollha, tant li jżuruha eluf ta’ nies is-sena kollha, partikolarment fil-purċissjonijiet annwali mat-toroq tal-Isla.
Sentejn ilu, kien ġie iffirmat Memorandum of Understanding fejn kien maqbul li t-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta tiskennja x-xbieha tar-Redentur u toħloq verżjoni diġitali tridimensjonali tagħha waqt li tkun qed tiġi restawrata.
Il-proċess involva taħlita ta’ teknoloġiji avvanzati, fosthom fotogrammetrija mill-art u mill-ajru, u skennjar bil-laser.
B’dawn il-mezzi li jikkumplimentaw lil xulxin, setgħet tinħoloq rikostruzzjoni diġitali preċiża u dettaljata tal-istatwa kif inhi bħalissa. Il-mudell 3D li nħoloq, li huwa proprjetà taż-żewġ entitajiet, huwa rekord diġitali permanenti tal-istatwa – u għodda effettiva ħafna biex ikun hemm rabta mal-pubbliku, li tant xtaq koppja ta’ din ix-xbieha, kif spjega l-Arċipriet Fr Robin Camilleri.
Issa li tlesta l-proċess ta’ restawr u nħolqot il-verżjoni diġitali tridimensjonali tal-istatwa kif kien miftiehem, Heritage Malta u l-parroċċa tal-Isla pproduċew repliki biex dawk li huma devoti tar-Redentur jew kollezzjonisti jkollhom l-opportunità ta’ darba li jakkwistaw kopja minjatura ta’ din ix-xbieha.
Ir-repliki saru f’ammont limitat u jiġu f’erba’ qisien differenti. Waħda minnhom, li hi akbar mit-tlieta l-oħra, hija iżjed speċjali u mmirata lejn il-kollezzjonisti.
Din tinkludi l-vara innifisha, il-bradella u d-diversi elementi ta’ tiżjin li jsebbħu din ix-xbieha devozzjonali. Il-vara-minjatura hija innumerata u akkumpanjata minn ċertifikat ta’ awtentiċità
//= $special ?>