Xemx u sħana għall-festa tal-Imnarja.
Ħafna għażlu li jqattgħu l-għodwa fil-Buskett.
Oħrajn ħdejn il-baħar.
Ġurnata mill-isbaħ, hekk kif ninsabu fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf.
Fil-gżejjer Maltin it-temperaturi qed imissu il-35°C… għalkemm is-sħana tħossha qisha ferm iktar minn hekk.
U minkejja li Malta mhux qed taffaċċja l-istess livelli estremi bħal pajjiżi oħra Ewropej, esperti qed iwissu biex in-nies ma jqattgħux ħin twil fix-xemx, hekk kif dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi jistgħu jipperikolaw is-saħħa – speċjalment għal tfal, l-anzjani u persuni b’mard kroniku.
Fi Spanja, it-temperaturi mistennija jilħqu rekord ta’ 47°C. Tant li diġà kien hemm każ ta’ turist Olandiż li miet minn heatstroke f’Mallorca.
Fl-Italja, is-sħana bdiet saħansitra iddewweb l-asfalt. Bil-Gvern joħroġ allert għal 21 lokalità madwar il-pajjiż.
Fil-Greċja, in-nirien qed jinfirxu malajr fuq gżejjer bħal Chios…. u anke qrib Ateni.
Apparti minn hekk, il-Greċja żiedet il-prekawzjonijiet u żiedet l-għadd ta’ pumpiera għal rekord ta’ 18,000 biex tipprepara għal staġun partikolarment diffiċli ta’ nirien.
Il-Portugall ukoll qed ibati minn dawn il-kundizzjonijiet tat-temp, b’żewġ terzi tal-pajjiż taħt allert minħabba sħana estrema. U bit-temperatura f’Lisbona mistennija tilħaq it-42°C.
Skont l-esperti Ewropej, din il-mewġa ta’ sħana hija kkawżata minn ‘heat dome’; fenomenu metereoloġiku fejn pressjoni għolja żżomm saff sħun ta’ arja maqbud f’post wieħed bħallikieku taħt għatu – u li jwassal għal temperaturi rekord u riskji għas-saħħa pubblika.
//= $special ?>