“Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jieħu azzjoni immedjata fil-konfront tad-drenaġġ u l-kontaminazzjoni tal-baħar – għaliex il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Dan kien il-messaġġ li twassal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fix-Xgħajra u li kienet indirizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Peter Agius, mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, mill-Minority Leader fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala John Baptist Camilleri u minn Astrid Vella f’isem l-għaqda Flimkien għall-Ambjent Aħjar.

Peter Agius qal li l-problema tad-drenaġġ f’pajjiżna ilha għaddejja sa mill-2016 u l-Gvern qed jkompli jinjora din il-problema sena wara l-oħra. Dan apparti li spjega li din is-sitwazzjoni qed tikser numru ta’ liġijiet Ewropej.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg saħqet li l-poplu għandu jkompli jsemma’ leħnu fuq din il-materja u li minn naħa tagħha se tkompli tagħmel pressjoni fuq il-Gvern sabiex jieħu azzjoni illum qabel għada. Dan apparti li fakkret kif il-Ministru Miriam Dalli qed tkompli tgħid li m’hemmx drenaġġ fil-baħar – għalkemm sajf wara l-ieħor qed ikomplu jingħalqu l-bajjiet.
Il-Minority Leader John Baptist Camilleri qal li l-Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista ilhom jilmentaw dwar l-impjant fiz-zona qed jagħmel ħafna rwejjaħ. Huwa qal li l-ilmenti ilhom is-snin isiru, iżda l-Gvern qed jitfa’ din il-problema taħt it-tapit.
Astrid Vella qalet li d-drenaġġ fil-baħar saret problema kaġun tan-nuqqas ta’ ippjanar kif ukoll bl-isplużjoni fil-popolazzjoni fl-aħħar għaxar snin. Hija saħqet li huwa inaċċettabbli li l-poplu jqatta’ sajf ieħor hekk.
Intant, preżenti għal din il-konferenza kien hemm numru ta’ residenti – dan filwaqt li ġiet preżentata petizzjoni lil Peter Agius bil-għan li l-materja tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew.
//= $special ?>