Internazzjonali

“Death to the IDF” – Glastonbury f’kontroversja wara kummenti lejn is-suldati Iżraeljani

“Inqabżet il-linja fil-Kunċert ta’ Glastonbury – dak li ntqal hu litterlament defenizzjoni ta’ mibgħeda”

Saħaq dan il-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer, dan wara li fil-Kunċert annwali ta’ Glastonbury fl-Ingilterra – li ilu jsir mill-1970 – l-artisti Bob Vylan u Kneecap, għamlu kummenti ta’ dispreġġatorji fil-konfront tal-Forzi Iżraeljani.

Kien propju f’nofs l-ispettaklu li d-duo tar-rap, spiċċaw jkantaw “death to the IDF”, instigazzjoni ta’ mewt lejn il-Forzi Iżraeljani. Dan fost ċapċip u ewforija minn bosta li kienu fil-folla.

Madanakollu, bosta tkellmu fuq il-midja soċjali dwar kif dan mhu xejn għajr mibgħeda diretta lejn l-Iżraeljani u anti-semitiżmu li qed jerġa’ jgħolli rasu – apparti li bosta lhud esprimew id-diżappunt tagħhom dwar kif qed iħossuhom dejjem iktar f’periklu, speċjalment wara kummenti bħal dawn.

Intant il-Prim Ministru Keir Starmer saħaq li l-linja l-ħamra inqabżet u li ser jittieħdu passi fil-konfront taż-żewġ artisti. Min naħa l-oħra l-Kap tal-Partit Reform UK, Nigel Farage, qal li issa iktar minn qatt qabel qed toħroġ  l-aġenda xellugija estrema – dan anke wara li waħda mill-artisti li kienet qed sieħu sehem f’dan il-kunċert annwali attakkat lilu personali waqt wieħed mill-intervalli.

Min naħa tagħhom l-organizzaturi ddiskrivew dak li ġara bl-aġġettiv “diżgustanti” – dan filwaqt li skużaw ruħhom lejn kull Lhudi li ħassu attakkat b’dak li ntqal. Min naħa l-oħra Bob Vylan saħaq li qal dak li kellu jgħid, speċjalment wara l-atroċitajiet li preżentament qed iseħħu f’Gaza.