Lokali

Il-Gvern Laburista ħalla lill-Forzi Armati b’ħelikopter wieħed biss jaħdem, minn flotta ta’ ħamsa – PN

Il-Ministru Byron Camilleri sfurzat jammetti fil-Parlament; in-nuqqas ta’ investiment mill-Gvern ipoġġi f’riskju lis-suldati u lill-bdoti tal-Armata

Bdejna s-sajf u f’dawn il-ġimgħat li ġejjin il-parti l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin se jkunu qed jiffrekwentaw u jgawdu l-bajjiet, il-baħar u l-postijiet naturali ta’ madwar Malta u Għawdex. Dan ifisser li rridu nkunu ppreparati sew jekk iseħħ xi inċident fuq il-baħar jew fuq xi rdum.

Imma filwaqt li jirrikonoxxi li fil-Forzi Armati ta’ pajjiżna hemm nies imħarrġa u mħejjija tajjeb li kapaċi jidħlu għal kull sfida ta’ salvataġġ, il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jesprimix it-tħassib tiegħu dwar kemm il-Gvern mhux qed jifhem il-ħtieġa li jinvesti bis-serjetà fl-apparat meħtieġ biex il-persuni ddedikati li joffru dan is-servizz ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom.

Turija ċara ta’ dan hija s-sitwazzjoni tal-flotta tal-ħelikopters tal-Forzi Armati Maltin, b’ħelikopter wieħed biss minn total ta’ ħamsa li jinsab fi stat li jaħdem.

Wara l-informazzjoni li rċieva l-Partit Nazzjonalista fuq l-istat li jinsabu fih il-ħelikopters tal-Armata, issa waslet ukoll il-konferma uffiċjali dwar f’liema stat il-Gvern Laburista ħalla l-flotta tal-ħelikopters tal-Forzi Armati ta’ Malta minn fomm il-Ministru responsabbli għall-Intern Byron Camilleri nnifsu, li fil-Parlament kellu jammetti li l-Forzi Armati bħalissa għandhom biss ħelikopter wieħed li jista’ jintuża, minn flotta ta’ ħamsa.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem il-bżonn ta’ manteniment, ma jistax jifhem kif in-nuqqas ta’ ppjanar wassal lill-Armata biex illum tinsab f’dan l-istat, bis-suldati, tekniċi, rescue swimmers u l-bdoti tal-Armata ma jistgħux jaħdmu kif suppost kaġun tal-inkompetenza tal-Gvern.

Dan hu l-istat tal-flotta ta’ ħelikopters tal-Armata Maltija bħalissa:

  • Augusta Westland AW139: ħelikopter wieħed biss attiv minn tlieta, hekk kif it-tnejn l-oħra mhumiex fi stat li jtiru;
  • Alouette III: l-ebda wieħed miż-żewġ ħelikopters mhu fi stat li jaħdem.

Agħar minn hekk, fir-risposta li ta fil-Parlament, il-Ministru Byron Camilleri wieġeb li hu infurmat“li matul l-2022, Airbus Helicopters infurmat lill-operaturi kollha ta’ Alouette III li kienet qed tirtira l-bqija taċ-ċertifikati ta’ dan it-tip”. Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi kif l-istess ħelikopters tat-tip Alouette III tħallew itiru, tant li saħansitra seħħew żewġ inċidenti serji ħafna fis-7 ta’ Marzu 2024 u fit-28 ta’ Lulju 2024 fejn fortunatament ma weġġa’ ħadd.

Il-Ministru Byron Camilleri għandu jwieġeb għalfejn għad m’hemm l-ebda pjan ta’ investiment ieħor fil-flotta tal-ħelikopters, liema pjan missu skatta minn meta ħarġet din l-istqarrija tal-Airbus Helicopters li se jiġu rtirati ċ-ċertifikati.

Il-PN jappella lill-Gvern Laburista biex jikkjarifika dan mill-aktar fis, għax dan jista’ jfisser li tpoġġew f’riskju s-suldati, tekniċi, rescue swimmers u l-bdoti tal-Forzi Armati tagħna wara li l-Gvern naqas li jagħmel l-investiment meħtieġ fil-Forzi Armati, u s-suldati tagħna tħallew jagħmlu użu minn apparat li ma kienx tajjeb għas-servizz.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem u jirringrazzja lill-uffiċjali u s-suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta li qegħdin jagħmlu dak kollu li jistgħu, minkejja n-nuqqas ta’ investiment li qed jagħmel il-Gvern fl-apparat li għandhom bżonn biex iwettqu l-ħidma tagħhom.

Dan hu r-riżultat meta jkollok Gvern li jpinġi l-investiment fid-difiża tagħna bħala “investiment fil-gwerra”. Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista jemmen f’investiment fis-sigurtà tal-poplu Malti u investiment fil-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta biex ikunu mħejjija għal dak kollu jista’ jinqala’, biex jekk jinqala’ inċident fuq il-baħar, mal-irdumijiet jew fi kwalunkwe post ieħor li jkunu jirrikjedi l-użu tal-ħelikopters tal-Armata tagħna, is-suldati tagħna jkollhom biex jaħdmu.

Dan kollu ħareġ fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Darren Carabott.