“Il-Kamra tal-Ispiżjara tqis li l-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita hija paradoss ta’ tħassib. Dan wara li li l-Gvern nieda Strateġija Nazzjonali biex jipprevjeni s-suwicidju, u l-Istrateġija Nazzjonali tal-Kura Paljattiva.”
Saħqet dan il-Kamra tal-Ispiżjara fil-konfront tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja.
L-ispiżjara qalu li din il-konsultazzjoni qed tikkontradixxi lill-istess Gvern wara li qed jiġu mnedija strateġija nazzjonali kontra s-suwiċidju u oħra dwar il-Kura Paljattiva.
Il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li filwaqt li tilqa’ l-konsultazzjoni, madanakollu saħqet li hemm dettalji kbar nieqsa mil-liġi proposta. Dan apparti li fakkru li bosta pajjiżi li introduċew l-ewtanasja, issa qed jerġgħu jaħsbuha minħabba avvanzi kbar fil-kura paljattiva.
Kien għalhekk ukoll li twassal l-appell min-naħa tal-Kamra sabiex il-Gvern ikollu konsultazzjoni reali mal-assoċjazzjonijiet mediċi f’pajjiżna.
Intant, il-Kamra tal-Ispiżjara esprimiet preokkupazzjoni fuq il-fatt li f’Malta, il-Budget tas-saħħa mhuwiex biżżejjed biex jinxtraw il-mediċini kollha fuq il-lista tal-Formolarju tal-Gvern. U għalhekk, hemm bżonn prijorità politika sabiex il-Ministru tal-Finanzi flimkien mal-Ministru tas-Saħħa, ikunu jistgħu jibdew djalogu dwar finanzjament akbar b’risq il-kura paljattiva.
Il-Kamra fakkret li bħala assoċjazzjoni, hi favur kultura li tippromovi l-ħajja u l-investiment fil-kura.
//= $special ?>