Lokali Qorti

L-Imħallef Toni Abela jirtira wara disa’ snin f’din il-kariga

“Kull Imħallef għandu jħaddan tliet kwalitajiet essenzjali li huma, l-għarfien tal-liġi, sens ta’ ġustizzja u s-serenita.”

Sostna dan l-Imħallef Toni Abela fl-aħħar indirizz tiegħu hekk kif wara disa’ snin Imħallef se jkun qed jirtira. Huwa qal ukoll li wieħed ma jistax ifaħħar sentenza meta tkun favurih u mbagħad jikritika l-Imħallef meta sentenza tkun kontrih.

Matul id-diskors tiegħu hu rringrazzja lil dawk kollha li għenuh matul il-karriera; u wera diżappunt kbir għal mod kif qed isir il-kors tal-liġi meta kkumparat mal-passat.

Huwa appella wkoll sabiex tispiċċa d-distinzjoni bejn il-Qrati superjuri u dawk inferjuri – filwaqt li m’għandux ikun hemm diskrepanzi fl-irwoli ta’ Imħallef u Maġistrat. Hawnhekk huwa saħaq li din hija kwistjoni ta’ dinjità u mhux ta’ flus.

Indirzza wkoll dawk preżenti, il-President tal-Kamra tal-Avukati Peter Fenech li rrimarka kif matul il-karriera tiegħu Toni Abela dejjem wera l-valuri li kien iħaddan.

Huwa semma wkoll kif bħala Avukat, Toni Abela dejjem kien ippreparat għal kull eventwalità kif ukoll kien leali. Dan filwaqt li fakkar li matul il-karriera tiegħu wassal ‘il fuq minn 1,400 verdett.

L-Imħallef Toni Abela ggradwa bħala Avukat mill-Università ta’ Malta fl-1984 u kien involut ukoll għal snin twal fil-Partit Laburista.