Mal-Pulizija, Mohamed Hamdan ammetta li kien hu li spara fil-Bidnija.
Dan ħareġ illum fil-Qorti hekk kif il-Libjan – li tiwieled is-Sirja – tressaq biex jaffaċja l-akkużi relatati mal-qtil ta’ Busuttil, magħruf bħala Ta’ Bandallu.
Hamdan ġie akkużat bil-ħsieb li joqtol lill-istess Busuttil jew li jqiegħed il-ħajja tiegħui fil-periklu ċar, li fl-istess data, lok, u ċirkostanzi, kkawża lil ħaddieħor biża li ser tintuża vjolenza kontirhom jew kontra l-propjetà tagħhom. Dan apparti akkużi ta’ €2500 ħsarat, pussess ta’ arma tan-nar, li ħassar jew qered traċċi tal-istess reat. Kif ukoll akkużi li fid-data tad-delitt saq il-mutur tal-għamla Yamaha one-way. Hu ġie akkużat ukoll li rrenda ruħu reċidiv.
Hamdan, li jaħdem bħala transport manager , tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.
L-akkużat żamm pjuttost kalm waqt is-seduta u wieġeb biss meta kien mġiegħel mill-Maġistrat – Intant hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Intant ġie spjegat mill-Prosekuzzjoni, li wara li seħħet ħabta, Hamdan, telaq minn fuq il-post u ftit minuti wara mar lura b’pussess ta’ arma tan-nar, u alegatament beda’ jispara.
Wara rapporti ta’ sparaturi fil-limiti tal-Bidnija, fuq il-post, wasal is-surġent u meta sab l-akkużat staqsieh jekk sparax xi tiri u fil-pront qallu “jien sparajt”.
Kien hemm li skattaw l-investigazzjonijet u l-akkużat ittieħed fil-pusses tal-Pulizija.
Il-Pulizija talbu li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-familja tal-vittma sakemm jinqata’ l-każ. Jekk jikser din l-ordni, il-barrani jkun suġġett għal multa ta’ €7000 jew priġunerija ta’ sentejn.
Il-kumplament tas-seduta kompliet fil-magħluq, u Hamdan inżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kaylie Bonett u Mauro Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Kurt Colombo Zahra, Wayne Camilleri u Sarah Magri. Filwaqt li għall-akkużat deher l-Avukat Mario Mifsud. L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru parte civile f”isem il-familja tal-vittma.
//= $special ?>