Internazzjonali

Temperaturi estremi jaħkmu numru ta’ pajjiżi fl-Ewropa

Ritratt: Sky News

It-temperaturi madwar l-Ewropa qed ikomplu jiżdiedu hekk kif numru ta’ bliet ewlenin qed jesperjenzaw mewġa tas-sħana estrema.

Rapporti internazzjonali qed jindikaw illi l-aktar reġjun milqut huwa dak tan-nofsinhar ta’ Spanja, b’temperaturi jilħqu aktar minn 40 grad celcius, propju f’Seville u l-madwar. Fejn saħanistra tilfet ħajjitha mara li kienet qed tiknes triq prinċipali f’Barcelona.

Fir-Renju Unit, rapporti qed jindikaw li t-temperaturi telgħu għal 34 gradi celcius, li huwa rekord nazzjonali għall-pajjiż, f’dik li hija r-raba’ ġurnata ta’ mewġa tas-sħana.

Jidher ukoll li bosta pajjiżi għandhom twissija fis-seħħ, fosthom il-Portugall, l-Italja u l-Kroazja, flimkien ma’ żoni fi Spanja, Franza, l-Awstrija, l-Belġjum, Ungerija, Serbja, Slovenja u anke l-Iżvizzera.

Intant, dan il-fenomenu qed iħalli impatt anke fuq is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej hekk kif numru ta’ pajjiżi rrappurtaw żieda fil-każijiet ta’ heatstroke fl-isptarijiet tagħhom, l-aktar f’persuni li huma ta’ eta akbar minn 70 sena.

Bil-belt ta’ Ruma toffri anke aċċess bla ħlas għall-pixxini, għal dawk li għandhom ‘l fuq minn 70 sena.