Lokali Mużika

ALOK, Damiano David u Ella Henderson fl-Isle of MTV Malta

Ella Henderson fl-Isle of MTV Malta
minn Noel D'Anastas

Isle of MTV Malta jirritorna nhar it-Tlieta, 15 ta’ Lulju 2025, fuq il-Fosos tal-Furjana. Din se tkun is-17-il edizzjoni ta’ dan il-festival mużikali emblematiku li kull sena jiġbed eluf ta’ adoloxxenti u żgħażagħ minn madwar id-dinja.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun doża qawwija ta’ enerġija bis-sehem ta’ ALOK, wieħed mill-aktar DJs popolari globalment, Ella Henderson, u Damiano David, il-vuċi karismatika ta’ Måneskin, li qed iniedi l-kapitlu solista tiegħu b’album ġdid u tour dinji.

Damiano David, il-kantant Taljan se jagħmel id-debutt tiegħu f’Malta wara t-tnedija tal-album solista tiegħu FUNNY little FEARS. Bis-singles emozzjonali bħall-‘Born With A Broken Heart’ u ‘Zombie Lady’, Damiano qed juri maturità artistika ġdida differenti minn dik tal-era ta’  Måneskin, il-band li kien rebaħ Sanremo u wara l-Eurovision Song Contest biex ma nsemmux ukoll is-suċċessi li għamel f’bosta klassifiċi fosthom dik Ingliza. Id-dehra tiegħu f’Malta hija waħda minn ftit prestazzjonijiet esklussivi li se jagħmel matul dan is-sajf, hekk kif jagħti bidu għal tour dinji mifrux fuq ħames kontinenti.

ALOK, il-fenomenu tal-enerġija mużikali elettronika li kiseb post għoli fuq il-lista prestiġjuża DJ Mag Top 100 DJs tal-2024, b’hits internazzjonali bħal ‘Hear Me Now’ u kollaborazzjonijiet ma’ artisti bħal Ed Sheeran u Dua Lipa, ALOK ser jagħti spettaklu mimli enerġija.

Ella Henderson hija kantawtriċi u kantanta Britannika li kienet ipparteċipat mingħajr suċċess fid-disa’ serje ta’ The X Factor UK fl-2012. Fl-2014 nediet l-ewwel album tagħha Chapter One li waslilha fl-ewwel post tal-klassifika Ingliża, liema album minnu ħarġu s-singles ‘Ghost’, ‘Glow’ u ‘Yours’. It-tieni album tagħha Everythiong i Didn’t Say, maħruġ fl-2022 kien ukoll suċċess.

Hija rrekordjat diversi singles ma’ artisti oħra, fosthom ‘Glitterball’ ma’ Sigma, ‘Crazy What Love Can Do’ ma’ David Guetta u Becky Hill, u ‘Alibi’ ma’ Rudimental li fl-2019 kienu Malta fl-Isle of MTV u reġgħu kienu fostna ftit tal-jiem ilu fl-Earth Garden Festival. Hija kienet nominata għal erba’ Brit Awards, u  Ivor Novello Award.

Barra dawn l-artisti, se jkun hemm ukoll Miriana Conte li f’Mejju li għadda rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest.

Isle of MTV Malta huwa spettaklu globali li se jixxandar fuq MTV fit-13 ta’ Settembru 2025, flimkien ma’ xandira diretta fuq Pluto TV u pjattaformi soċjali. B’hekk ix-xena vibranti Maltija se titwassal lil miljuni ta’ telespettaturi madwar id-dinja.

L-Isle of MTV huwa parti mill-Malta Music Week li se jsir bejn il-15 sa 20 ta’ Lulju, b’ġimgħa ta’ kunċerti, parties ħdejn il-baħar, u avvenimenti fi clubs bil-parteċipazzjoni ta’ artisti internazzjonali u lokali fi spettaklu wieħed elettrifikanti.

L-Isle of MTV Malta qed jitwassal minn Visit Malta. Dawk li se jattendu jridu jakkwistaw il-biljett minn fuq showshappening.com

Damiano David

ALOK