Lokali

CareMalta Group jadotta linji gwida etiċi għall-kura tal-anzjani

CareMalta, li tmexxi disa’ faċilitajiet ta’ kura għall-anzjani, flimkien ma’ HILA, li tieħu ħsieb sitt
idjar li joperaw fil-qasam tad-diżabbilità u l-kura għas-saħħa mentali, se jadottaw il-linji gwida
etiċi ġodda għall-kura tal-anzjani mnedija mill-Knisja f’Malta f’April li għadda.

Il-kumpanija CareMalta Group ħabbret dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, f’Casa Arkati,
fil-Mosta, ippreseduta mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-preżenza ta’ membri mit-tmexxija
ta’ CareMalta Group.

L-għan ta’ dawn il-linji gwida, ippubblikati f’dokument bl-isem ta’ Care for Elderly Persons in
Church and Religious Residential Homes in Malta: Ethical Guidelines, hu li jippromwovu
l-protezzjoni u d-dritt għall-ħajja sal-aħħar mumenti tagħha, fosthom permezz tal-kura medika
li tingħata, is-sapport spiritwali u pastorali, u l-użu tat-teknoloġija.

Waqt il-konferenza, l-Arċisqof Scicluna rringrazzja lil CareMalta Group ta’ din id-deċiżjoni li
joffri mhux biss kura imma wkoll għożża – servizz li qed jingħata lil kulħadd, inkluż persuni
vulnerabbli. Saħaq li CareMalta espandiet is-servizzi tagħha u issa qed iżżid din id-dimensjoni
etika, appoġġata minn bord etiku. “Għalhekk, mhux biss qed tipprovdi kura medika iżda wkoll
sens profond ta’ rispett u dinjità. L-għażla li jingħata spazju għad-dinjità umana sal-aħħar
mumenti tal-ħajja, u li jiġi evitat l-akkaniment terapewtiku bla bżonn, tirrifletti bilanċ bejn il-fidi,
ix-xjenza u l-umanità,” sostna l-Arċisqof.

Hu żied jgħid: “Illum intom qed tagħtu garanzija u serħan il-moħħ lil kull min juża s-servizzi tagħkom li se jkun sigur. Nawgura li din l-għażla li għamiltu tkun ta’ eżempju għall-istituzzjonijiet, NGOs u kumpaniji oħra sabiex l-anzjani tagħna ma jħossuhomx ta’ piż fuq is-soċjetà.”

Dawn il-linji gwida, minbarra li jħarsu lejn il-kura olistika tal-anzjan, iħarsu wkoll lejn l-obbligi u d-drittijiet tal-impjegati kif ukoll ir-responsabbiltajiet tal-organizzazzjoni li qed tmexxi l-faċilità ta’ kura għall-anzjani.

CareMalta Group ħabbar ukoll li fforma kumitat ta’ etika fi ħdan il-kumpanija sabiex iqis li dawn
il-linji gwida etiċi jiġu inkorporati u mħaddma fl-intier tagħhom fil-faċilitajiet kollha tal-kumpanija,
bil-possibbiltà li jinħarġu aktar linji gwida etiċi u li jkunu approvati mill-istess kumitat.